Park & Ride għall-istudenti Universitarji minn nhar it-Tnejn

Minn nhar it-Tnejn, se jkun qed jitniedi servizz ġdid ta’ shuttle-bus mill-Park and Ride ta’ Pembroke għall-Università ta’ Malta wara kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Studenti Universitarji u Malta Public Transport. Din l-inizjattiva, skont Malta Public Transport qed issir minħabba l-parkeġġ limitat li hemm fiż-żona tal-Università u bil-għan li jitnaqqas it-traffiku fit-toroq.

Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji, Carla Galea qalet li din hija parti mill-viżjoni tal-Kunsill li jkunu provduti modi alternattivi ta’ trasport lejn l-Università għall-istudenti kollha.

Ir-rotta TD17 se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa minn Pembroke Park and Ride u tieqaf qrib Skate Park fl-Imsida. Bejn is-7:00am u s-18:00pm il-vjaġġi se jitilqu kull kwarta, bil-frekwenza tinbidel għal kull 30minuta bejn l-10:30am u n-12:30pm.

It-tariffi se jkunu bħal kull rotta oħra fis-sistema Tallinja Direct, iġifieri €1.50 għal passiġġieri li jużaw it-Tallinja Card u €3.00 għal min jaqta’ biljett fuq il-karozza. Jekk wieħed juża 12 Single Day Journeys, se jkunu qed jinqatgħulu 2 krediti ekwivalenti għal €2.50.

Tul l-ewwel tliet xhur tar-rotta, se jkunu analizzati d-domanda u x-xejriet fl-użu tas-servizz u l-perjodu ta’ prova se jibqa’ sejjer sal-aħħar tas-sena.