Park Hotel tiċħad li kellha problema ta’ ġrieden

Miguela Xuereb

Park Hotel, il-lukanda li ġiet sfurzata tingħalaq mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-jiem li għaddew, qiegħda tiċħad li kellha problema bil-ġrieden, u qalet li qatt ma kellha problema bl-ebda pesti ta’ din ix-xorta.

Fi stqarrija mibgħuta mill-avukat li jirrappreżenta lil-lukanda, jingħad li l-lukanda kienet sikwit tiġi ċċekkjata u jingħatalha servizz minn speċjalist tal-kontroll tal-pesti, li kkonferma li ma kienx hemm infestazzjoni tal-ġrieden. Il-lukanda qalet li dan ġie kkonfermat ukoll mill-awtoritajiet tas-saħħa li ntalbu jispezzjonaw il-lukanda mis-sidien tagħha stess ilbieraħ.

Aqra: “Irridu l-inqas inkonvenjent għat-turisti li kienu fil-Park Hotel”

Il-lukanda żiedet tgħid li l-kelma “ġrieden” kienet biss parti mill-ġudizzju li jikkwota t-tweġiba tal-Awtorità tat-Turiżmu. Din l-allegazzjoni ma ħarġitx fil-proċedimenti tal-Qorti, tant li l-Qorti ma rreferietx għaliha u lanqas ma reġgħet semmietha, skont il-kumpanija.