X’għandek tagħmel jekk se tiżżewweġ fil-ġimgħat li ġejjin?

Aktar kemm jiżdiedu l-każijiet tal-coronavirus, aktar qed jikber it-tħassib fost in-nies minħabba l-avvenimenti l-kbar. Saru diversi appelli lill-awtoritajiet biex l-attivitajiet tal-massa ma jitħallewx isiru, imma l-Gvern ma waqqafhomx. Minflok, mill-bieraħ daħlu restrizzjonijiet li jillimitaw l-għadd ta’ persuni li jattendu dawn l-attivitajiet u anke l-kuntatt bejniethom.

Dan jolqot direttament lill-industrija tat-tiġijiet, li ilha fil-limbu għal dawn l-aħħar xhur minħabba l-pandemija. Newsbook.com.mt tkellem mal-organizzatur tat-tiġijiet Jurgen Briffa, li qasam magħna xi pariri li qed jagħti lill-klijenti tiegħu li se jiżżewġu fl-ġimgħat li ġejjin.

Briffa qal li kien qed jistenna li joħorġu miżuri bħal dawn, iżda ħaseb li joħorġu aktar fi żmien Ottubru, allura kellu tama li t-tiġijiet pjanati fis-sajf jilħqu jsiru mingħajr wisq limitazzjonijiet.

L-ewwel ħaġa li qegħdin jagħmlu dawk li se jiżżewġu u l-organizzaturi hija li jistaqsu lill-postijiet fejn ikunu se jsiru t-tiġijiet kemm jakkomodaw nies kull erba’ metri kwadri, billi r-restrizzjonijiet il-ġodda jitolbu li jkun hemm persuna kull erba’ metri kwadri. Briffa sostna li ħadd ma ħa pjaċir b’dil-ħaġa, speċjalment dawk li kellhom mal-500 jew 700 mistieden, iżda kellha ssir biex tittaffa l-imxija tal-virus.

Xi pariri li qed jagħti Briffa lill-klijenti tiegħu huma:

  • Li fl-invit ma jsemmux fejn se ssir il-quddiesa u fi x’ħin; din l-informazzjoni jgħadduha biss lill-qraba sabiex il-quddiesa tkun aktar intima u jattendu għaliha inqas nies
  • Li jitpoġġa hand sanitiser f’kull post possibbli: mal-entratura, fit-toilets, mal-bars, fuq kull mejda
  • Li minflok l-għarajjes iduru lill-mistednin persuna persuna biex jirringrazzjawhom u joħdulhom bi jdejhom, iduruhom grupp grupp, inkella jagħmlu diskors bil-mikrofonu biex jispjegaw is-sitwazzjoni u jirringrazzjaw lil kulħadd
  • Li l-wejters u n-nies kollha li jipprovdu servizz fit-tieġ jilbsu maskra jew visor, imma l-mistednin ma jkunux obbligati jilbsuha billi dan jaf iwaqqafhom milli jattendu għat-tieġ.

L-għarajjes x’jaħsbu?

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Raquel Galdes, kantanta li kellha tiżżewweġ fit-28 ta’ Ġunju, u kienet ilha tippjana t-tieġ tagħha għal tliet snin. Stqarret li meta feġġ il-coronavirus, ma ħadithiex bi kbira li ċċaqlaq it-tieġ billi kien hawn inċertezza dwar kollox. Hi u l-għarus tagħha ppjanaw tliet dati tentattivi meta jiżżewġu: Settembru ta’ din is-sena, jew April jew Settembru tas-sena d-dieħla. Meta s-sitwazzjoni kkalmat u l-każijiet naqsu, huma ddeċidew li jkollhom it-tieġ f’Settembru ta’ din is-sena.

Għarusa oħra li kellha tiżżewweġ dan is-sajf qalet li l-akbar preokkupazzjoni għaliha hija l-mistednin, peress li tħoss li hija inġusta jekk tkun diġà tajthom l-invit, imbagħad trid ma tistedinhomx. Qalet iżda li ħafna nies jifhmu s-sitwazzjoni kurrenti.

Għall-kuntrarju ta’ ħafna għarajjes, Raquel sodisfatta bir-restrizzjonijiet li ħabbar il-Gvern, għaliex hekk taf li se tiżżewweġ f’sitwazzjoni sigura u kkontrollata.

“L-aktar ħaġa importanti għalija hi li nkun nista’ nagħmel it-tieġ u li niċċelebraw b’mod reponsabbli mal-iktar nies qrib tiegħi. Hemm ħafna nies li għajruni tosta, u missni nistħi għax ħa nagħmel ir-reception, però għalina dik hi importanti daqs it-tieġ għax ħa nagħmluha mal-istess nies li verament inħobbu u li għalina huma importanti.”

Raquel temmet tgħid li fil-fehma tagħha, din hija xi ħaġa li rridu ngħixu biha, allura hi beħsiebha tiżżewweġ xorta waħda lill-maħbub tagħha minkejja ċ-ċirkostanzi.

Bil-każijiet imħabbrin ilbieraħ, Malta issa għandha total ta’ 150 każ tal-coronavirus, li kulma jmur qed jiżdiedu billi qed jitfaċċaw ħafna każijiet minn avvenimenti kbar, bħall-party li sar ġo lukanda f’Tas-Sliema u l-festa ta’ Santa Venera.