Pariri kif taħżen xi ikel biex jibqagħlek tajjeb

Iż-żejt taż-żebbuġa — jekk ma tużahx ta’ spiss ixtri flieken żgħar. Iż-żejt jibel it-togħma jekk ma tużahx sa tliet xhur wara li tiftaħ il-flixkun.

Il-peanut butter — Meta tixtrih aqleb il-flixkun rasu ’l isfel biex iż-żejt ta’ ġo fih jitħallat tajjeb u l-peanut butter jiġi aktar kremuż.

Il-ġobon — Agħmlu f’materjal poruż biex jieħu n-nifs. Evita t-tin foil u l-plastik. Jekk il-ġobon ma jiħux ossiġinu biżżejjed jinxef malajr.

Il-butir — Jekk titri ħafna butir tista’ tiffriża part minnu għax fil-freezer kapaċi jdum tajjeb għal erba’ xhur. Ħallih fir-wrapper li tkun xtrajtu fih.

Iz-zokkor ismar — Poġġih f’kontenitur ma’ xi slajs ħobż biex ma jibbisx. Iż-żokkor jibqa’ tajjeb kif tixtrih għax ‘jixrob’ mill-umdità li jkollu l-ħobż.

Il-mayonnaise — Żommu fil-bieba tal-friġġ. Jekk tpoġġih aktar ġewwa fil-friġġ jista’ jissepara u tispiċċa biż-żejt fil-wiċċ. Jibqa’ tajjeb sa xahrejn wara li tibda tużah.

Id-dqiq — Jekk id-dqiq tużah ftit agħmlu f’kontenitur u żommu fil-friġġ. Jibqa’ tajjeb bejn xahrejn u sitt xhur. Qabel tużah xommu biex tara li baqa’ tajjeb.

Is-soy sauce — Iċċekkja l-kulur. Meta jkun tajjeb għall-ikel ikollu kulur kannella fl-aħmar. Jekk jiswied ifisser li ħżien minħabba l-arja. Fil-friġġ idum tajjeb sa sentejn.

L-ispices — L-ispices ta’ kulur aħmar iridu jinżammu fil-friġġ biex iżommu l-kulur u t-togħma. Dawn jinkludu l-paprika, il-cayenne u c-chili powder.

Il-ħobż — Iżommlok fil-freezer jekk tagħmlu f’borża, tnaqqas l-arja mill-borża kemm tista’ u tiffriżah. Il-ħobż slices tista’ tiffriża xi sitt slices kull darba  biex ma toħroġx mill-freeżer aktar milli jkollk bżonn tuża dik il-ġurnata.

L-għasel — Jekk jagħqadlek tista’ tagħmel il-flixkun f’taġen bl-ilma u ssaħħan fuq nar bati sakemm l-għasel jinħall. L-għasel jibqa’ tajjeb għal dejjem wara li tiftaħ il-flixkun jew il-kontenitur li jkun fih.

L-inbid — Erġa’ daħħal it-tapp tas-sufra fil-flixkun u poġġih fil-friġġ. Inbid tinduna li ħżien għax ikollu togħma ta’ ħall.

Il-patata — Il-patata l-aħjar li tinżamm f’post mhux sħun, umdu u fid-dlam. Jekk iżżommha fil-friġġ jitilfu l-kulur.  U jekk iżżommha f’post sħun tibda tnibbet.

Il-basal — L-aħjar li żżommhom f’post mhux fil-magħluq fejn ma tkunx tistretta l-arja. Ikun tajjeb li ma żżommhomx qrib il-patata għax dawn jarmu gassijiet li jġiegħlu lill-patata tnibbet malajr.

It-tuffieħ — tista’ tħallih barra imma jekk iżżommu fil-friġġ jibqa’ tajjeb għal ħafna żmien.