Pariġi u Marsilja miżjudin mal-lista l-oranġjo

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-bliet Franċiżi Pariġi u Marsilja ġew miżjudin mal-lista l-oranġjo, jiġifieri n-nies ġejjin minn dawn il-bliet huma obbligati jagħmlu t-test tal-coronavirus.

Dan tħabbar mill-Ministeru tas-Saħħa dalgħodu.

B’hekk il-lista issa tinkludi tliet pajjiżi: ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u t-Tuneżija, iż-żewġ bliet Franċiżi u l-bliet Spanjoli Madrid, Barċellona u Ġirona. Il-Bulgarija biss tneħħiet mil-lista li ġiet introdotta x-xahar li għadda.

Il-lista ta’ pajjiżi riveduta, jiġifieri biż-żieda taż-żewġ bliet, tidħol fis-seħħ f’nofsillejl.

Skont l-aħħar statistika ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), Malta bħalissa hija s-sitt pajjiż minn lista ta’ 31 pajjiż Ewropew bl-ogħla numru ta’ każijiet tal-coronavirus. Dan għaliex ġew irrappurtati 79.8 każ ġdid għal kull 100,000 persuna fl-aħħar 14-il jum.

Tlieta mill-pajjiżi fuq il-lista l-oranġjo qed jirrappurtaw aktar każijiet. Dawn huma Spanja b’259.8 każ għal kull 100,000 persuna, Franza b’130.4 każ u r-Rumanija b’85.7 każ. Ir-rata tar-Repubblika Ċeka hija pjuttost aktar baxxa, bi 68.8 każ.

Minkejja li mhumiex fil-lista, il-Lussemburgu u l-Kroazja għandhom aktar każijiet minn Malta, b’140.7 u 92.1 każ rispettivament.