Pariġi tfakkar il-vittmi tal-attakki ta’ Charlie Hebdo

Fiċ-ċentru ta’ Pariġi dalgħodu saret ċerimonja li tfakkar il-vittmi tal-attakk fuq l-uffiċini tar-rivista Charlie Hebdo sena ilu.
Il-President Franċis, Francois Hollande qiegħed kuruna tar-rand fi Place de la Republique u ġiet osservata minuta silenzju. Fl-attakk ta’ sena ilu, kienu nqatlu b’kollox 17-il ruħ.
Fiċ-ċerimonja ta’ llum inkixfet plakka fl-istess pjazza li tfakkar il-vittmi taż-żewġ attakki, sew dak ta’ sena ilu u sew dawk tal-attakk ta’ Novembru li għadda.
Inqrat ukoll silta minn dak li kiteb Victor Hugo fl-1870: “Pariġi hija belt sagra… min jattakka lilha jkun qed jattakka l-umanità”.
Fi tmiem iċ-ċerimonja, l-President Hollande mexa għall-Moskea l-Kbira ta’ Pariġi hekk kif matul tmiem din il-ġimgħa l-Moskei fi Franza kienu miftuħa għal dawk li mhumiex Musulmani f’tentattiv li jiġi miġġieled kull preġudizzju kontra l-Islam.