Pariġi terġa’ tqum taħt tensjoni

Pariġi reġgħet qamet taħt tensjoni wara li karozza lbieraħ filgħaxija saqet b’veloċità qawwija fuq pulizija mara li kienet xogħol qrib il-Palazz tal-President.
Skont persuni li raw l-inċident, li seħħ wara nofsillejl, il-karozza b’erbgħa min-nies fiha, żiedet il-veloċità għal fuq il-pulizija mara u tajritha wara li kienet daħlet kontra l-linja fi triq one-way.
Tnejn mill-erbgħa ġew arrestati waqt li l-Pulizija qed tfittex liż-żewġ persuni l-oħra.
Sadattant l-FBI fl-Istati Uniti żvelaw li għadhom kemm fixklu pjan ta’ persuna fl-istat ta’ Ohio li ried jattakka l-Capitol f’Washington.
Żagħżugħ ta’ 20 sena ġie arrestat wara li, skont il-Pulizija Amerikana, ried joqtol uffiċjal tal-Gvern Amerikan f’attakk ispirat mill-Istat Iżlamiku. Il-pubbliku fl-ebda ħin ma kien f’periklu u ż-żagħżugħ ma rnexxielux jasal Washington. L-FBI segwiet liż-żagħżugħ wara li fuq Twitter wera appoġġ għal gruppi estremisti bħall-Istat Iżlamiku.
Missier iż-żagħżugħ qal li ibnu sar vulnerabbli fl-aħħar snin imma mhux kapaċi jwettaq attakk.