Aġġornata bil-filmat Pariġi (3): It-tieni suspettat jagħti ruħu b’idejh lill-Pulizija Belġjana

It-tieni suspettat bl-attakk terroristiku ta’ lbieraħ f’Pariġi ta lilu nnifsu lill-Pulizija Belġjana, hekk kif issa anki tliet membri mill-familja tas-suspettat l-ieħor li nqatel qed jiġu investigati.
Ir-raġel li wettaq l-attakk ta' lbieraħ kellu 39 sena u kien jgħix fis-subborgi ta’ Pariġi. Huwa kien diġà magħruf mal-Pulizija Franċiża bħala persuna li tista’ tkun estremista Iżlamika, fil-fatt hu kien diġà l-ħabs fuq attentat ta' qtil ta' tliet pulizija fl-2001. Persuni qrib l-inkjesta mhumuiex jeskludu l-possibiltà li l-persuna hi Franċiża.
Pulizija u tnejn oħra ndarbu, wieħed minnhom serjament, wara l-attakk terroristiku ta’ lbieraħ f’Pariġi f’Champs-Elysèes. Ir-raġel li wettaq dan l-attakk sussegwentament inqatel mill-Pulizija wkoll.
Sadanittant, l-uffiċjali Franċiżi qalu li identifikaw lill-qattiel minn karti li sabulu fil-karozza li uża għall-attakk, iżda ismu għadu ma ġiex ikkonfermat minnhom.
Ir-raġel ilbieraħ spara fuq in-nies fl-inħawi msemmija f’Pariġi, u l-awtoritajiet ikkonfermaw li fil-pussess tiegħu kellu arma awtomatika bħalma jintużaw fil-gwerra.
Kien għall-ħabta tad-9pm xħin il-karozza li kien fiha l-aggressur waqfet biswit karozza oħra tal-Pulizija, u r-raġel ħareġ minn ġol-ewwel karozza u qabad jispara fuq il-pulizija.
Il-President Franċiż, Francois Hollande, irrimarka li jħossu konvint li dan kien attakk terroristiku, u laqqa’ lbieraħ stess b’urġenza lill-awtoritajiet Franċiżi, kif ukoll dalgodu għandu jiltaqa’ ma’ uffiċjali tad-difiża, tal-intelliġenza u tas-sigurtà Franċiża.
Intant, il-biża’ ta’ Hollande li dan kien attakk terroristiku ġiet ikkonfermata hekk kif il-grupp terroristiku ISIS refa’ r-responsabbiltà tal-attakk.
Dan kollu seħħ meta pitgħada se jsiru l-ewwel elezzjonijiet presidenzjali fi Franza.