“Pariġi għenet biex sa Diċembru ssir elezzjoni fil-Libja” – Abela

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela stqarr fil-Parlament li d-diskussjonijiet li seħħew dalgħodu fi Franza wasslu biex l-erba` fazzjonjiet fil-Libja ftehmu li sa Diċembru ssir l-elezzjonijiet fil-Libja bit-tama li l-pajjiż jerġa’ jikseb l-istabilità tiegħu.
Il-Ministru għamel din l-istqarrija fil-Parlament fuq mistoqsija supplementari tad-deputat Laburista Byorn Camilleri.
Il-Ministru qal li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien fost 19-il mexxej u organizzazzjonijiet internazzjonali li fuq stedina tal-President Franċiż Emmanuel Macron ħadu sehem f’konferenza internazzjonali li mlaqqa’ dalgħodu f’Pariġi. 
Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Herman Schianvone dwar ir-rwol ta’ Malta, Abela qal li r-rwol ta’ Malta jrid ikun fl-ambitu tan-Nazzjonijiet Magħquda taħt id-direzzjoni tal-Mibgħut tal-Nazzjonijiet Maqgħuda Fayez al-Sarraj.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela dalgħodu pparteċipaw fil-laqgħa f’Pariġi organizzata mill-President Franċiż Emanuel Macron.
Skont stqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru qal li filwaqt li d-deċiżjonijiet huma f’idejn il-pajjżi Libjani, u kulħadd għandi jirrispetta l-għażla tal-pajjiż, il-komunità internazzjonali għandha tgħin billi tinkoraġġixxi djalogi bħal dak tal-lum.
Huwa stqarr li l-instabbiltà fir-reġjun qed taffettwa lil Malta anki f’oqsma bħal-iffinanzjar mill-Gvern Libjan liċ-Ċentru Iżlamiku f’Malta, fejn il-ħaddiema, fostom ċittadini Maltin, qed jitħallew bla paga.