Parasite jirbaħ l-Oscar għall-Aqwa Film

Il-film mill-Korea t’Isfel Parasite intgħażel bħala l-Aqwa Film waqt it-92 edizzjoni tal-Oscars li saret matul il-lejl li għadda fid-Dolby Theatre f’Los Angeles. Parasite sar l-ewwel film mhux bil-lingwa Ingliża li ħa l-aqwa premju.

Renee Zellweger rebħet l-Oscar bħala l-Aqwa Attriċi meta ħadmet il-parti ta’ Judy Garland fil-film Judy. Joaquin Phoenix rebaħ bħala l-Aqwa Attur għall-film Joker.

Joker

Brad Pitt u Laura Dern rebħu l-premjijiet għall-Aqwa Atturi f’Parti Sekondarja għall-Once Upon A Time in Hollywood u Marriage Story rispettivament.

Parasite rebaħ erba’ premijiet b’kollox waqt li l-film 1917 ta’ Sir Sam Mendes ħa tlieta. Dan il-film dwar l-Ewwel Gwerra Dinjija kien il-favorit biex jirbaħ l-Oscar għall-Aqwa Film iżda l-premjijiet kollha li rebaħ kienu kollha fil-kategoriji tekniċi.

Bong Joon-ho

Bong Joon-ho ta’ Parasite għeleb ukoll lil Sir Sam Mendes għall-premju għall-Aqwa Direttur, u ħa wkoll l-aħjar premju għall-iscript oriġinali. Il-film Parasite huwa satira soċjali dwar żewġ familji minn klassijiet differenti ħafna: waħda li tgħix fil-faqar f’nofs kantina, u l-oħra familja sinjura li toqgħod f’dar kbira u lussuża.

Parasite rnexxielu jagħmel dak li l-ebda film bis-subtitles qatt ma għamel fl-istorja tat-92  sena tal-Academy Awards biex rebaħ l-Oscar għall-Aqwa Film. Il-producer  Kwak Sin-ae, li ġabar it-trofew, qal: “Jien bla kliem. Aħna qatt ma mmaġina li dan se jseħħ. Inħossni qed ngħix f’waqt meta qed isseħħ l-Istorja.”

Once Upon A Time

L-Aqwa Film Animat kien Toy Story 4 waqt li l-Oscar għall-Aqwa Kanzunetta Oriġinali ngħata lil (I’m Gonna) Love Me Again mill-film Rocketman ta’ Elton John.

1917

L-aktar films li rebħu Oscars kienu Parasite, 4; 1917, 3; Ford vs Ferrari, 2; Joker, 2; Once Upon a Time in Hollywood, 2.