Paqpaqli: Iwaqqgħu 6 kawżi għax ħadu l-kumpens

Sitt kawżi għad-danni miftuħin tliet snin ilu minn persuni li kienu fost it-23 vittma tal-avveniment Paqpaqli għall-Istrina ġew irtirati.

Rapporti fil-midja lokali kienu ħabbru li 11 mill-vittmi irċevew kumpens wara li aċċettaw li jidħlu fi ftehim ma’ the Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). Għalhekk, dalgħodu ngħalqu l-kawżi ċivili pendenti. Id-dikjarazzjoni saret fil-Qorti mill-Imħallef Lawrence Mintoff li kien qed jippresjedi s-sitt kawżi li ġew miftuħin kontra l-President, l-MCCFF, l-organizzaturi ta’ Paqpaqli għall-Istrina u anke lil Paul Bailey. Bailey huwa dawk li kien qed isuq il-karozza li tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla fil-persuni li kienu preżenti fl-4 ta’ Ottubru tal-2015.

Intant, il-kumpilazzjoni tal-evidenza dwar il-każ li qed jitmexxa mill-Maġistrat Aaron Bugeja mistennija tkompli l-ġimgħa d-dieħla.