Paqpaqli: Il-karozza ma messitx il-ħaxix qabel saqet fuq in-nies

Espert tal-Qorti qal lill-Maġistrat fil-każ ta’ Paqpaqli li l-Porsche ta’ Paul Bailey ma marritx fuq il-ħaxix qabel ma tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla ġol-folla.

Bailey u l-kumitat ta’ 13-il persuna wara l-attività Paqpaqli għall-Istrina 2015, huma akkużati li kkawżaw ġrieħi gravi lil persuni oħra b’mod involontarju, u li kkawżaw ħsara lil diversi vetturi, b’imprudenza u traskuraġni, u billi ma segwewx ir-regoli.

Id-difensuri qegħdin jargumentaw li t-tort kien tal-organizzaturi tal-attività, li ma tawx kas tar-regolamenti tas-sigurtà, u ħallew lill-pubbliku joqgħod f’żoni perikolużi tat-track wara barrikati li ma kinux addattati. Dan filwaqt li l-organizzaturi, inkluż il-Malta Community Chest Fund, jinsistu li l-inċident kien it-tort ta’ Bailey.

Fil-Qorti nstema’ kif Bailey ħareġ mill-karozza malli ġara l-inċident u beda jdur u jħares lejn id-disprament ta’ madwaru u jiskuża ruħu.

L-espert appuntat mill-Qorti Martin Bajada spjega dwar kif qassam lil esperti varji fil-każ. Tim ta’ esperti Ġermaniżi mill-Porsche kienu appuntati mill-maġistrat biex jassistu lill-qorti fit-testijiet tal-vettura, li awtomatikament inbidlet fi crash mode, u kellha terġa’ tinxtegħel.

L-espert tal-Qorti Quentin Tanti qal li l-karozza ma missitx mal-ħaxix qabel ma tilfet il-kontroll, minkejja li kienet fuq it-tarf tat-tarmak u l-ħaxix.

F’Lulju, fil-Qorti kien ingħad li Bailey tefa’ l-kontrolli qabel ma l-karozza spiċċat fuq in-nies. Persuni li xehdu qabel qalu kemm Bailey hu sewwieq professjonali.

Il-kumpilazzjoni għandha tkompli f’Ottubru.