Paqpaqli: “Bailey bl-aqwa kwalifiki  ta’ sewqan” – espert

Read in English.

Espert internazzjonali tat-tlielaq tal-karozzi fil-qorti qal li s-sewwieq involut fl-inċident ta’ Paqpaqli Paul Bailey, għandu l-ogħla livell ta’ ċertifikazzjoni fejn jidħol sewqan professjonali.

Din ix-xhieda tikkuntrasta mal-konklużjoni li waslet għaliha l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li kienet attribwiet parti ta’ dan l-inċident minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza f’sewqan professjonali tal-istess xufier.

Meta kien qed jixhed permezz ta’ Skype, Sir Simon Blunt li huwa wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Isport tal-Muturi fir-Renju Unit, qal li Bailey għandu tliet liċenzji, li huma l-aqwa livell possibbli għat-tlielaq bil-karozzi.

L-inċident ta’ Paqpali kien seħħ fl-2015 u ħalla 23 persuna midruba.

Il-Kumitat Organizzativ ta’ Paqpaqli għall-Istrina qed jiġi akkużat li kkawża ħsara involontarja b’allegata traskuraġni u nuqqas ta’ ħarsien tar-regolamenti.

Min-naħa tagħhom, il-membri tal-kumitat qed isostnu li dan l-inċident seħħ minħabba l-mod ta’ kif saq il-karozza Porsche is-sewwieq Ingliż Paul Bailey.

Il-każ għandu jkompli jinstema’.

Ritratt: Arkivji