Il-Papa Franġisku tat-tiben rebaħ festival fl-Irlanda

Figura tat-tiben ta' Papa Franġisku rebħet festival fl-Irlanda

Il-Papa Franġisku diġà ngħata merħba kbira fl-Irlanda jiem qabel hu mistenni jżur dan il-pajjiż għall-Kungress Internazzjonali tal-Familji.

Pupazz tat-tiben ta’ daqs ġgantesk li jirrappreżenta lill-Papa rebaħ il-festival annwali magħruf bħala id-Durrow Scarecrow Festival. Il-belt ta’ Durrow hi madwar 70 mil fin-Nofsinhar ta’ Dublin fejn il-Papa se jkun fil-25 u s-26 ta’ dan ix-xahar.

Durrow, li fiha jgħixu biss 811-il-persuna bdiet torganizza dan il-festival fl-2011 li għalih imorru madwar 30,000 turist.

L-attrazzjoni ewlenija f’din il-belt hu l-“All-Ireland Scarecrow Championship” li fih numru ta’ timijiet jikkompetu biex jibnu l-akbar u l-aktar scarecrow kumplikat li wieħed jista’ jimmaġina. Fl-aħħar snin il-President Amerikan Donald Trump kien fost il-personaġġi li dehru fil-festival. Diversi ġurnali u stazzjonijiet televiżivi jagħtu importanza lil dan il-festival.

Din il-ġimgħa, il-Conahy Vintage Club kienu dikjarati rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni bil-pupazz tagħhom għoli żewġ sulari li jirrappreżenta lill-Papa Franġisku jxejjer lill-folla.

“Aħna nħossu li l-kbir hu sabiħ” qal Michael Bergin, President tal-Vintage Club. Din is-sena kellna xogħol għal kulħadd fil-bini tal-karru tagħna. Min għamel xogħol tal-ħadid, min ħadem bit-tiben, fradal, żraben u min jagħmel it-te għall-voluntiera.”