Papa Franġisku: “Mhux se jwaqqfu r-riformi tiegħi”

Fit-tmiem tal-Anġelus, il-Papa Franġisku tkellem dwar l-aħħar skandlu fil-Vatikan u ddeskrivih bħala “reat deplorevoli li ma jgħinx”. 
Madanakollu, il-Papa qal li dan l-iskandlu ċertament mhux se jwaqqfu milli jkompli jaħdem biex fil-Vatikan issir riforma bl-għajnuna tal-ħaddiema tiegħu u bl-appoġġ tal-Insara kollha. 
Lill-eluf ta’ nies li llum inġabru fi Pjazza San Pietru, il-Papa qal li bl-għajnuna tal-Knisja kollha, se jaħdem għar-riforma, “għaliex il-Knisja tiġġedded peremzz tat-talb u l-qdusija ta’ kull min hu mgħammed”. 
Għal darb’oħra ħeġġiġhom biex iżommuh fit-talb tagħhom, ma jinfluwenzawx ruħhom malajr imma jibqgħu jittamaw u jemmnu. 
Żied jgħid li kien il-Papa stess li ried li jsir dak l-istudju u li dawk id-dokumenti, hu u l-ħaddiema tiegħu kienu diġà rawhom qabel u li ttieħdu l-miżuri neċessarji li ħallew frott u mhux bilfors jidhru. 
Qabel l-Anġelus, il-Papa Franġisku spjega l-Vanġelu tal-Ħadd u x’inhuma l-affarijiet li l-Insara m’għandhomx jagħmlu, u fosthom semma l-arroganza, ir-regħba u l-ipokrezija, it-tliet difetti li m’għandhomx ikollhom is-segwaċi ta’ Ġesù. 
Il-Papa appella lill-Insara biex ikunu bħall-armla li tissemma fil-Vanġelu, li tat mill-ftit li kellha, u li mill-faqar tagħha indunat li bil-preżenza tal-Mulej f’ħajjitha għandha kollox. 
“Hemm differenza kbira bejn il-qalb u l-but” qal il-Papa, għaliex “ jista’ jkollok but mimli u qalb vojta.”