“L-użura tumilja u toqtol”

Meta kien qed ikellem grupp mill-Grupp Nazzjonali Taljan Kontra l-Użura, il-Papa Franġisku kkundanna l-esplojtazzjoni finanzjarja u appella għal aktar edukazzjoni biex ikunu kkonfrontati l-użura u l-korruzzjoni.
“L-użura tumilja u toqtol”, qal il-Papa. “L-użura hi dnub mejjet. Toqtol il-ħajja, tgħaffeġ fuq id-dinjità umana, tippromwovi l-korruzzjoni u tfixkel il-ġid komuni”.
Hu qal li din it-tip ta’ esplojtazzjoni finanzjarja – fejn ikunu mislufa flus b’rati ta’ interess mhux raġjonevoli – hi użanza antika ħażina li rridu nipprevenuha permezz tal-edukazzjoni.
Il-Papa qal l-ewwel pass biex ma nħallux din il-ħsara tikber hi billi ngħallmu lin-nies iżommu stil ta’ ħajja sempliċi biex ikunu kapaċi jiddistingwu bejn dak li hu żejjed u tgħaddi mingħajru u dak li hu neċessarju.
L-edukazzjoni finanzjarja għandha tagħmel in-nies responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom u tgħinhom biex ma jagħmlux djun biex jixtru affarijiet li jistgħu jgħaddu mingħajrhom.
“Il-virtujiet tal-povertà u s-sagrifiċċju m’hemmx għalfejn niskopruhom mill-ġdid. Il-povertà ma tħallix lil dak li jkun isir skjav tal-affarijiet, filwaqt li s-sagrifiċċju jgħinna biex ma nippretendux kollox mill-ħajja.
L-edukazzjoni kontra l-użura titlob li bniedem ikollu moħħ onest li jimxi fuq mudelli legali flimkien max-xewqa li jgħin lil dawk fil-bżonn b’xogħol volontarju."
Il-Papa rringrazzja lill-Assoċjazzjoni, li issa ilha 26 sena taħdem fis-soċjetà Taljana biex tikkumbatti l-esplojtazzjoni finanzjarja.
Huwa qal li l-ħidma ta’ din l-għaqda salvat aktar minn 25,000 familja u negozji żgħar u għenithom jiksbu lura d-dinjità tagħhom.
Meta wieħed jiġġieled il-korruzzjoni u l-użura, jittrażmetti tama u saħħa lill-vittmi biex ikunu kapaċi jiksbu lura l-fiduċja u jerfgħu lilhom infushom mill-bżonn.
Fl-aħħarnett, Franġisku appella biex ikun hawn “umaniżmu ekonomiku ġdid” li jwaqqaf l-ekonomija inġusta li teskludi u li toqtol u tirriduċi n-nies “f’għodda għall-kultura tal-ħala”.