Papa Franġisku l-aktar popolari fuq Twitter

Bħalissa l-Papa Franġisku huwa l-aktar popolari fuq Twitter b’36.2 miljun persuna isegwu l-messaġġi tiegħu fuq id-disa’ accounts li għandu b’lingwi differenti.  Warajh hemm il-President Amerikan Donald Trump li għandu 35.3 miljun isegwuh.
Studju li sar mill-organiżazzjoni “Twiplomacy” grupp li jsegwi l-media soċjali tal-mexxejja tad-dinja wera li l-Papa l-aktar persunaġġ fid-dinja li għandu nies isegwuh fuq dan il-media li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jikber fil-popolarita’ tiegħu.
L-aktar żewġ messaġġi tal-Papa li kienu moqrija, inċidentalment it-tnejn kienu jirrigwardaw lill-President Amerikan dwar il-politika tiegħu.
“Nistiednek biex ma tibnix ħitan imma pontijiet biex tirbaħ lill-ħażin bit-tajjeb, l-offiżi bil-maħfra u tgħix fil-paċi ma’ kulħadd”, kien kiteb il-Papa fit-18 ta’ Marzu li għadda.
Xahar qabel, Papa Franġisku kiteb: “Spiss fil-Bibbja il-Mulej jistedinna biex nilqgħu lill-imigranti u l-barranin u jfakkarna li aħna wkoll frustieri”.
Wara l-Papa u Donald Trump dan l-istudju sab li l-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, għandu jsegwuh fuq Twitter 30 miljun persuna filwaqt li l-President Tork, Erdogan, huwa fis-seba’ post u għandu isegwuh 10 miljun ruh.
Il-Prim Ministru Ingliża, Theresa May, fuq il-paġna personali tagħha għandha biss 376,000 segwaċi fuq dan il-mezz ta’ komunikazzjoni soċjali, filwaqt li fuq il-paġna bħala Prim Ministru “@number10gov” għandh 5.33 miljun persuna.
Skont “Twiplomacy”, it-twitter hu l-aktar kanal tal-media soċjali preferut mill-gvernijiet u l-ministeri tal-affarijiet barranin.  Huma identifikaw 856 sit li jappartjenu lil kapijiet ta’ stat u ministri tal-affarijiet barranin f’178 pajjiż li jirrappreżentaw 92% tal-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti u bejniethom dawn kollha għandhom 356 miljun segwaċi madwar id-dinja kollha.
B’kuntrast ma dan, b’eċċezzjoni tal-Papa Franġisku, il-mexxejja reliġjużi jinsabu ħafna aktar lura f’din il-lista.  Id-Dalai Lama hu l-aktar viċin il-Papa b’’14.1 miljun filwaqt li l-Arċisqof ta’ Canterbury għandu 110,000 segwaċi filwaqt li dak ta’ Westminister, il-Kardinal Nicholas, għandu biss 7,221.