Il-Papa Franġisku jżur lill-Papa Benedittu

Nhar it-Tlieta li għadda l-Papa Franġisku ltaqa’ mal-Papa Emeritus Benedittu XVI, fl-ewwel kuntatt bejniethom wara l-iżball kbir li għamel il-Kap tal-Komunikazzjonijiet tal-Papa li qarraq f’ittra ta’ Benedittu XVI.
Il-Vatikan qal li Papa Franġisku żar lil Benedittu XVI biex jagħtih l-awguri tal-Għid. Iżda din il-laqgħa fil-fatt saret ġimgħa biss wara li Mons. Dario Vigano li Papa Franġisku għażel biex imexxi d-dipartiment tal-komunikazzjonijiet tiegħu, kellu jirriżenja minħabba dak li issa qed jissejjaħ li “Skandlu Lettergate”.
Mons. Vigano svela parzjalment il-kontenut ta’ ittra privata li kiteb il-Papa Benedittu, biex tiġi tidher qisha qed tapprova volum ta’ ħdax il-ktieb dwar it-Teoloġija ta’ Papa Franġisku, li nieda Vigano nnifsu lejlet il-ħames anniversarju tal-Pontifikat tiegħu.
Vigano mbagħad bagħbas ritratt tal-ittra ta’ Benedittu biex it-test tal-ittra ma jibqax jidher kollu u għatta l-parti fejn il-Papa Benedittu kiteb li hu ma kienx qara l-kotba u mhux se jaqrahom għax ma kellux ħin u kellu oġġezzjoni għall-wieħed mill-awturi Ġermanizi ta’ din is-sensiela – it-teologu Peter Hunermann – li kien attakka b’mod goff il-Pontifikat tiegħu u dak tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.
Dan l-iskandlu wassal biex il-Vatikan kien akkużat li qed ixandar aħbarijiet foloz ftit ġimgħat biss wara li l-Papa Franġisku kien iddedika l-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, biex jiġġieled l-aħbarijiet foloz u t-tbagħbis mal-informazzjoni. Din il-froġa ta’ Mons Vigano kellha effett kuntrarju għal dak li xtaq hu għax uriet li l-Papa Benedittu, wieħed mill-aktar teoloġi rispettati, ma approvax il-pubblikazzjoni.
Kelliem għall-Vatikan ma tax aktar informazzjoni tal-laqgħa bejn iż-żewġ Papiet ħlief li qal li minn żmien għal żmien huma jiltaqgħu flimkien.
Fl-ittra tar-riżenja Mons Vigano ma għamel ebda riferenza li għamel xi ħaġa ħażina u ma talab ebda apoloġija lill-Papa Benedittu talli dawwar il-kontenut tal-ittra tiegħu li kienet immarkata bħala “ittra privata u riservata”.
Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku filwaqt li aċċetta r-riżenja ta’ Vigano, ma għamel ebda kritika għall-aġir tiegħu u żammu fis-Segretarjat tal-Komunikazzjoni imma biss bħala assessur.
Ritratt: Catholic Herald