Papa Franġisku jsellem lil Jean Vanier li ħadem għal persuni b’diżabilità

Papa Franġisku jilqa' lil Jean Vanier fil-Vatikan ftit taż-żmien ilu

Il-Papa Franġisku sellem lil Jean Vanier, filosfu u kittieb Nisrani li kien qrib ħafna l-persuni emarġinati fis-soċjetà, li miet nhar it-Tlieta li għadda fl-età ta’ 90 sena u ddeskrivieh bħala bniedem li kien kapaċi jaqra u jinterpreta l-viżjoni nisranija tal-misteru tal-mewt, is-salib u t-tbatija ta’ dawk li huma mwarrba mis-soċjetà.

Jean Vanier, li abbanduna karriera fin-Navy biex jimxi wara l-passi ta’ Kristu, waqqaf żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali għal persuni b’diżabilità intellettwali. Dawn huma “L’Arche”  u “Faith and Light” u għal 50 sena sħaħ tkellem u ħadem favur il-persuni emarġinati u dwar it-tagħlima u r-rigali li dawn in-nies joffrulna.

Il-Papa qal li kien jaf bil-marda ta’ Vanier permezz ta’ Sister Genevieve li żżommu aġġornat. “Ġimgħa ilu ċempiltlu, semagħni, iżda bilkemm felaħ ikellimni”.  Hu qal li Vanier ħadem “mhux biss għal dawk li huma l-anqas fis-soċjetà imma anke għal dawk li qabel jitwieldu jkunu fir-riskju li jiġu kkundannati għall-mewt. Hu hekk għex. Grazzi lilek u grazzi lil Alla li tana bniedem li kien ta’ xhieda kbira”, qal Papa Franġisku.

150 ċentru fid-dinja

L-organizzazzjoni L‘Arche li waqqaf fl-1964 hi preżenti u attiva b’150 ċentru mferrxa mad-dinja. Hu miet f’wieħed minn dawn iċ-ċentri, f’Pariġi, fejn kien qed jgħix u jkun ikkurat għall-marda tal-kanċer. Hu kien iltaqa’ mal-Papa Franġisku f’Marzu 2014 u beda jsejjaħlu “bniedem tat-tbissima u laqgħa”.

Fl-1971 waqqaf ukoll il-Fondazzjoni ‘Faith and Light”. Kien ukoll membru tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi u fl-2015 kien ngħata l-Premju Templeton, li hu fost l-akbar premjijiet li jingħataw kull sena lil xi personalità mid-dinja reliġjuża.

F’intervista mar-Radju tal-Vatikan ftit żmien ilu kien qal li “il-missjoni tagħna hi li niltaqgħu ma’ dinja dgħajfa, fqira, nies li spiss ikunu mormija. L-Arche hi post ta’ rikonċiljazzjoni fejn nies minn reliġjonijiet u kulturi differenti jiltaqgħu u dan jibdel il-ħajja tal-persuni b’diżabilità u titrasforma wkoll lill-voluntiera li jaħdmu magħhom.

Fuq kollox,  L’Arche, hi post ta’ ċelebrazzjoni fejn l-iskop hu li kulħadd ikun ferħan. Irridu nkunu sinjal tal-importanza tal-persuni b’diżabilità, għax dawn għandhom messaġġ x’jagħtu imma ftit nies jafuh, dawn il-persuni huma xhieda kbira t’Alla”.

Il-persuni b’diżabilità jwassluna għand Alla

Vanier kien jemmen li nies b’diżordni mentali huma nies speċjali u kull min juri ħniena u mħabba magħhom ikun jixbah lil Kristu.

“Nemmen li llum hemm bżonn li noħolqu komunitajiet li jgħixu l-valuri tal-Vanġelu: li ngħixu flimkien, ngħixu l-Beatitudnijiet, il-ħajja tal-Vanġelu nistgħu ngħixuha b’mod sempliċi billi ngħixu flimkien. Il-messaġġ tal-Vanġelu hu  li nkunu rġiel u nisa ta’ kumpassjoni. Jekk int raġel jew mara ta’ kumpazzjoni, tkun bħal Ġesù.” Kien qal Vanier.

Il-Vanġelu tal-ferħ

F’intervista oħra Jean Vanier enfasizza l-importanza tal-ferħ. “Naħseb li l-viżjoni kollha tal-evanġelizzazzjoni hi l-ferħ għax irċivejna l-Aħbar it-Tajba. Id-dinja m’hix biss post tal-vjolenza, imma l-Kelma li saret il-Ġisem ta’ Kristu, Alla ġie biex jgħidilna xi ħaġa. Alla jħobb l-umanità. Alla hu preżenti. Dan ma jfissirx li ma rridux niġġieldu kontra l-ħażen. Fid-dinja hawn il-vjolenza; anke fija u fina wkoll hawn il-vjolenza. Imma Ġesù hu aktar b’saħħtu u aħna għandna tama li hu jgħinna.”