Papa Franġisku dalwaqt jista’ jagħmel qaddis lil Ġwanni Pawlu II?

Hekk kif għaddiet ġimgħa minn meta l-Knisja Kattolika għandha Mexxej ġdid, diġà bdew joħorġu l-ewwel spekulazzjonijiet fuq min se jkun l-ewwel qaddis fil-Pontifikat ta’ Papa Franġisku.

Skont rapporti li dehru fil-mezzi tax-xandir internazzjonali, jidher li Papa Franġisku tkellem mal-Arċisqof ta’ Krakow, il-kardinal Stanislao Dziwisz u qallu li l-kanonizzazjoni tal-Papa Karol Wotyila se tkun f’Ottubru li ġej.

Bħala ġurnata qed tissemma’ il-Ħadd 20 ta’ Ottubru, hekk kif jumejn wara taħbat il-festa ta’ meta sar beatu.

B’rabta ma’ din l-aħbar, f’mistoqsijiet li Newsbook għamel lill-kelliem tal-Vatikan Patri Federico Lombardi, huwa wieġeb li “kulħadd iħobb lil Ġwanni Pawlu II u żgur inkunu kuntenti li kieku jsir qaddis imma qabel jiġri dan, hemm bżonn li l-Papa jiffirma d-digriet ta’ rikonoxximent li sar miraklu”.

Patri Lombardi sostna li meta dan se jsir, joħroġ stqarrija uffiċjali.

Ġaladarba l-Papa jiffirma d-digriet ta’ miraklu li sar bl-interċessjoni ta’ Ġwanni Pawlu, ikun imiss li tiġi stabilita d-data għall-kanonizzazjoni tiegħu.

Papa Woytila sar beatu fl-1 ta’ Mejju 2011 u dan kien possibli wara li s-soru Franċiża Marie Simon-Pierre mil-lejl għan-nhar fieqet mill-marda tal-Parkinsons wara li talbet lill-Papa. Hi kienet issofri mill-istess marda ta’ Papa Ġwanni Pawlu.

Ir-rivista Taljana “Chi” ippubblikat l-istorja ta’ Josefa Zelaya, mara Brażiljana ta’ 70 sena li tgħid li fieqet wara li ltaqgħet ma’ Papa Ġwanni Pawlu. Jidher li Papa Franġisku kien iltaqa’ ma din il-mara u jidher li kien taha wkoll santa tal-Papa.