Papa Franġisku jintroduċi t-tieni volum tal-kitbiet ta’ Papa Benedittu

Il-Papa Franġisku kiteb id-“Daħla” għall-ktieb intitolat “Liberating freedom. Faith and Politics in the Third Millenium” miktub mill-Papa Emeritus Beneditttu XVI, fejn iddeskriva dan ix-xogħol bħal speċi ta’ kumpass li jgħinna “nifhmu l-preżent u nsibu orjentazzjoni soda għall-futur”.
Il-Papa jelabora fuq it-temi ewlenin diskussi fil-ktieb u jikkonkludi billi jgħid li flimkien max-xogħol ieħor qawwi ta’ Papa Benedittu “Opera Omnia”, dan il-ktieb hu “sors ta’ ispirazzjoni għal azzjoni politika li billi tpoġġi l-familja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza fiċ-ċentru tal-attenzjoni u l-ippjanar, verament tħares lejn il-futur b’ottimiżmu”.
Il-ktieb se jitnieda f’Ruma llum, fil-preżenza tal-Arċisqof Georg Ganswein, Prefett tad-Dar Papali u Segretarju Privat tal-Papa Benedirttu flimkien ma rappreżentanti reliġjużi u politiċi oħra.
Fl-introduzzjoni għall-ktieb, Papa Franġisku qal li r-relazzjoni bejn il-fidi u l-politika hi waħda mit-temi ewlenin li dwarhom iffoka l-Papa Ratzinger li wieħed isibha tul il-vjaġġ intellettwali u uman tiegħu: l-esperjenza totalitarja tan-Naziżmu fl-ewwel snin tal-ħajja akkademika tiegħu, wasslitu biex jirrifletti fuq il-limiti tal-ubbidjenza lejn l-Istat u l-ħelsien tal-ubbidjenza lejn Alla.
L-Istat mhux it-totalità tal-eżistenza umana u ma jiġborx fih it-tama kollha tal-bniedem.
Il-bniedem u t-tamiet tiegħu imorru 'l hinn mir-realtà tal-Istat u 'l hinn mill-isfera tal-azzjoni politika. Dan ma japplikax biss għall-istat ta’ Babilonja imma għal kull tip ta’ stat. L-istat mhux kollox. Dan iħaffef il-piż tal-politiċi u jiftaħ it-triq għal politika razzjonali. L-istat Ruman kien falz u kontra l-Kristjaneżmu proprju għax ried ikun kollox għat-tamiet u l-possibiltajiet tal-bniedem. Għalhekk kien qed jassumi dak li ma setax ikun u jfaqqar l-umanità. B’din il-gidba totalitarja sar tirann u ndemonjat.
Aktar 'il quddiem fil-kitba tiegħu l-Papa Benedittu, bħall-Papa Ġwanni Pawlu II, elabora u ppropona viżjoni Kristjana tad-drittijiet umani li fuq livell teoretiku prattiku kapaċi tisfida l-istat totalitarju Marxista u l-ideoloġija atea li fuqha kien ibbażat.
Għal Ratzinger il-veru kuntrast bejn il-Marxiżmu u l-Kristjaneżmu mhux biss fl-attenzjoni li l-Insara jagħtu lill-fqir: “Irridu nitgħallmu – mhux biss fuq livell teoretiku imma fil-mod kif naħsbu u naġixxu li flimkien mal-preżenza ta’ Ġesù fil-Knisja u fis-Sagramenti hemm preżenza oħra reali ta’ Kristu fiċ-ċkejknin, fl-imwarrba, f’dawk li huma l-aħħar u li Alla jridna nsibuh fihom.”
Papa Franġisku jgħid li fil-kitbiet tiegħu, l-Papa Benedittu jikkundanna l-iskandlu tal-inugwaljanza bejn is-sinjur u l-fqir li m'għandux ikun ittollerat aktar.
U llum, wara passaġġ ta’ 30 sena, aktar minn qabel għad hemm l-istess tentazzjoni li nirrifjutaw kull dipendenza fuq l-imħabba li magħha ġġib il-periklu ta’ “kolonizzar” tal-kuxjenza minn ideoloġija li tiċħad iċ-ċertezza bażika li l-umanità hi magħmula minn irġiel u nisa li għandhom l-inkarigu li jittrażmettu l-ħajja.
Id-difiża tal-bniedem kontra r-riduzzjonijiet ideoloġiċi tal-poter tinsab fl-ubbidjenza tagħna lejn Alla u d-difiża tal-familja, kif enfasizza wkoll il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-“Familiaris Consosrtio”.
Jien ukoll fl-Amoris Laetitia enfasizzajt li “l-ġid tal-familja hu deċisiv għall-futur tad-dinja u tal-Knisja", kiteb Papa Franġisku, fid-daħla tal-Ktieb.