Il-Papa jiddikjara ‘Xhud ta’ Karità’ lil qassis Taljan li nqatel f’Como

Read in English.

Papa Franġisku esprima d-dieqa tiegħu u talab għall-qraba u l-komunità kollha f’Como li għadhom qed jippruvaw jifhmu x’wassal għall-qtil ta’ Roberto Malgesini, qassis fid-Djoċesi ta’ Como.

Dun Roberto Malgesini, 51, li kien jieħu ħsieb l-immigranti u nies oħra fil-bżonn fil-belt ta’ Como in-naħa ta’ fuq tal-Italja, instab mejjet kawża ta’ daqqiet ta’ sikkina barra mid-dar tiegħu nhar it-Tlieta filgħodu. Fil-fatt instab li kellu diversi daqqiet ta’ sikkina, inkluż waħda f’għonqu li x’aktarx kienet dik li wasslet għall-mewt tiegħu.

Qabel l-udjenza ġenerali ta’ nhar t’Erbgħa fil-bitħa ta’ San Damaso, il-Papa Franġisku waqaf u fakkar lil Dun Malgesini.

Dun Malgesini kien beda l-ġurnata tiegħu bħas-soltu, bit-tqassim tal-kolazzjon lil dawk fil-bżonn. Jidher li r-raġel li qatlu kien qiegħed jistennieħ barra. Iżjed tard, immigrant Tuneżin li l-pulizija fissru bħala bniedem bi problema ta’ saħħa mentali radd lilu nniffsu lill-awtoritajiet.

Vatican News irrappurtaw li Dun Malgesini mhux biss kien jaf lil din il-persuna li ma kellhiex fejn toqgħod, iżda kien ukoll qed jagħtih l-għajnuna. Jidher ukoll li kellhom rapport tajjeb. Għaldaqstant, kif qal il- Papa Franġisku stess fid-diskors tiegħu waqt l-udjenza, dan ir-raġel seta’ kellu problemi ta’ saħħa mentali.

Il-Papa Franġisku kompla biex qal li kien qed jingħaqad “fid-dieqa u fit-talb tal-qraba u l-komunità” f’Como. “Infaħħar lil Alla għax-xhieda u l-martirju ta’ dan il-qassis li kien xhud tal-karità b’riżq il-fqar.”

Il-Papa mbagħad talab lil kulħadd biex jieqfu għal ftit mumenti ta’ talb, kemm għal Dun Malgesini kif ukoll “għall-qassisin, sorijiet u l-lajċi fidili li jaħdmu ma’ dawk fil-bżonn u dawk imwarrba mis-soċjetà.”