Il-Papa Franġisku jħeġġeġ lill-ġurnalisti jirrappurtaw fattwalment

Waqt li kien qed ikellem grupp ta’ ġurnalisti Ġermaniżi li żaru l-Vatikan nhar il-Ħamis li għadda, il-Papa Franġisku tkellem dwar l-importanza tar-rappurtaġġ fattwali u korrett, tad-djalogu u ta’ dinjità umana.

Il-grupp kien jikkonsisti minn ġurnalisti Kattoliċi u oħrajn membri tal-Knisja Evanġelika kif ukoll ġurnalisti tas-servizz tax-xandir pubbliku.  Skont Vatican News, il-Papa kellimhom dwar tliet punti ewlenin.

Djalogu

L-ewwel li tkellem il-Papa kien dwar id-djalogu u faħħar dak li hu sejjaħ “djalogu ħaj”  bejn il-Knejjes u x-xandir pubbliku fil-Ġermanja. Sostna li “dan id-djalogu jgħin biex in-nies jifhmu lil xulxin, jiftaħ orizzonti u joħloq spazju għal skambju ta’ informazzjoni, opinjonijiet u analiżi, ħieles u miftuħ.”

Rapporti fatwali 

Il-Papa mbagħad tkellem dwar rappurtaġġ fattwali u nkoraġġixxa lill-ġurnalisti biex ikomplu “jassiguraw li jirrappurtaw il-fatti u mhux ‘fake news’, jirrappurtaw oġġettivament u mhux ix-xnigħat u jagħmlu riċerka preċiża u mhux approssimattiva.”

Dinjità Umana    

Il-Papa Franġisku mbagħad tkellem dwar id-dinjità umana ta’ kull persuna. “Issa ilna għal xi żmien nassistu għal evoluzzjoni inkwetanti li qed isseħħ fid-dinja: l-isfida għad-dritt tal-ħajja, l-avvanz tal-ewtanasja, iċ-ċaħda tal-ugwaljanza soċjali, in-nuqqas ta’ integrazzjoni u l-ksur tad-dinjità umana u l-libertà tal-kuxjenza.”

F’dan il-kuntest il-Papa żied jgħid li “l-midja għandha responsabbiltà li tieħu pożizzjoni ċara u b’saħħitha favur il-libertà umana li hi prezzjuża.” Hu enfasizza li f’dan ir-rigward, il-Knejjes jappoġġjaw is-servizz tal-ġurnalisti “għax qed jaqdu l-missjoni ta’ Kristu.”

Il-Papa temm id-diskors tiegħu lill-ġurnalisti Ġermaniżi billi qal li l-ġurnaliżmu jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-attenzjoni u esprima t-tama li r-rappurtaġġ tal-ġurnalisti ma jkun qatt nieqes mill-istejjer tal-aħbar it-tajba li għandhom valur li jkunu rappurtati u li jagħtu tama lin-nies.