Papa Franġisku jċempel lil student li kitiblu ittra

Student ta’ 19-il sena minn Padova, baqa’ bla kliem wara li rċieva telefonata mill-Papa Franġisku. Iż-żgħażugħ kien kiteb ittra lill-Papa u tagħhielu personalment f’Castel Gandolfo.

Stefano Cabizza rċieva t-telefonata d-dar għal-ħabta tal-5pm wara li l-Papa kien diġà pprova jċempillu u ma sabux, u meta wieġeb it-telefon, il-Papa qallu “Pronto chi parla? Sono Papa Francesco, diamoci del tu” li tfisser li l-Papa qal liż-żagħżugħ biex jitkellmu b’mod informali.

Iż-żagħżugħ qal li t-telefonata damet madwar tmien minuti u matulha ċċajtaw u daħku. Il-Papa qal lil Stefano Cabizza li lill-Appostli, Ġesù kien ikellimhom mingħajr formalitajiet.

Il-Papa appella lill-istudent, biex jitlob lil San Stiefnu u anke għalih. Fi tmiem it-telefonata il-Papa tah il-barka.

Stefano qal li din it-telefonata tagħtu ħafna enerġija u ddeskriva dan il-jum bħala l-isbaħ ta’ ħajtu.    

Ftit tal-ġranet ilu, Michele Ferri li kien għadu kif tilef lil ħuh li nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar waqt serqa li saret fin-negozju ta’ ħuh, ukoll irċieva telefonata mill-Papa Franġisku.