Papa Franġisku jappella għall-paċi fid-dinja

Il-Papa Franġisku qaddes l-ewwel quddiesa ta’ Ħadd il-Għid bħala Papa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Wara l-quddiesa, l-Papa Franġisku awgura l-Għid it-Tajjeb lid-dinja, fl-indirizz tiegħu Urbi et Orbi, minn gallerija fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-Papa appella għal-paċi fil-Lvant Nofsani fejn in-nies għadhom qed jitħabtu biex isibu l-kuraġġ li jwassal għall-paċi. Il-Papa saħaq għat-talb ta’ paċi biex tieqaf il-gwerra fis-Sirja. F’talba oħra hu talab sabiex jieqfu is-sofferenzi tar-refuġjati Sirjani. Hu appella għall-paci fl-Afrika speċjalment fil-Mali f’attentati kontinwi u imdemmija bi tfal li qed ikunu ostaġġi tat-terroristi. L-appell tal-Papa kien ukoll għall-paċi fil-peniżola Koreana.

Wara l-quddiesa, l-Papa Franġisku sellem lill-Kardinali kollha u niżel ikompli jsellem lill-pubbliku numeruż preżenti fi Pjazza San Pietru minn fuq il-popemobil akkumpanjat mill-iskorta tas-sigurtà. Kif kien għaddej fil-pjazza l-Papa Franġisku bies xi trabi fuq moħħhom, kien hemm min tah gear tal-futbol u f’mument ieħor komwoventi Papa Franġisku għannaq u bies tfal bi bżonnijiet speċjali.

Il-Papa Franġisku b’ferħ kbir għajjat l-Għid it-tajjeb għal darbtejn. Huwa wera x-xewqa li l-ferħ li jġib miegħu l-Għid il-Kbir jasal f’kull dar u f’dawk li qed ibgħatu fil-ħabsijiet u fl-isptarijiet.  Il-Papa wera x-xewqa li l-ferħ ta’ l-Għid il-Kbir  jasal f’qalb l-umanita’ kollha. Il-Papa saħaq li l-imħabba ta’ Kristu hija akbar minn kull ħazen u li tista’ tiffjorixxi u tiġġedded. Fi kliemu, Papa Franġisku qal li din hija l-imħabba t’Alla li hija kollha ħniena u li għandha twassal għal ħajja eterna. Il-Papa spjega kif Kristu daħal fil-ħajja divina permezz tal-umanità b’sinifikat ta’ ħajja ħielsa mimlija mħabba. Il-Papa stieden l-umanità sabiex tilqa’ l-grazzja tal-qawmien ta’ Ġesu Kristu sabiex il-miżerja tinbidel f’imħabba kbira.

Il-Papa Franġisku saħaq li l-għar skjavitù isseħħ meta ninqdew bid-dinjita’ tal-bniedem. Irringrazzja wkoll lil dawk li kontribwixxew fl-arranġament tal-fjuri fi Pjazza San Pietru. Ta’ min jgħid li eluf ta’ Nsara ippakkjaw Pjazza San Pietru sa minn kmieni filgħodu qabel ma bdiet il-quddiesa tal-Papa.