Papa Franġisku issa se jiltaqa’ ma 5 saċerdoti li kienu abbużati fiċ-Ċili

chile_pope

Bejn l-1 u t-3 ta’ Ġunju, il-Papa se jilqa’ grupp ieħor ta’ vittmi tal-abbużi sesswali mwettqa minn Fernando Karadima mill-parroċċa tal-Qalb Imqaddsa tal-Providenza fiċ-Ċili.
Il-grupp hu kompost minn ħames saċerdoti li huma nfushom kienu vittmi tal-abbużi sesswali u abbużi ta’ poter u ta’ kuxjenza. Magħhom se jkun hemm żewġ saċerdoti oħra li għenuhom fil-mixja spiritwali tagħhom u żewġ lajċi li wkoll kienu abbużati.  Dawn se jkunu kollha l-mistiedna tal-Papa għal tlett ijiem.
Il-parti l-kbira minn dan il-grupp ħadu sehem fil-laqgħat li fi Frar li għadda, l-Arċisqof Charles Scicluna kellu fiċ-Ċili fuq inkarigu tal-Papa.
B’dan il-ġest li kien ippjanat ix-xahar l-ieħor, il-Papa Franġisku jrid ikompli juri il-viċinanza tiegħu mal-Qassisin abbużati biex jakkumpanjahom fil-weġgħat tagħhom u jieħu l-opinjoni imprezzabbli tagħhom, biex jitjiebu l-miżuri preventivi eżistenti u tkompli l-ġlieda kontra l-abbużi fil-Knisja.
Matul dawn it-tliet ijiem mistennija jsiru diversi laqgħat f’atmosfera ta’ fiduċja u kunfidenzjalità. Is-Sibt filgħodu l-Papa mistenni jqaddes f’Santa Martha għal dan il-grupp u wara ssir laqgħa oħra u numru ta’ laqgħat individwali mal-vittmi.
Sadattant il-poplu qed ikompli jappella lill-Insara fiċ-Ċili, partikolarment dawk li jgħixu fil-parroċċi fejn dawn is-saċerdoti jaqdu l-ministeru pastorali tagħhom, biex ikomplu jakkumpanjawhom bit-talb tul dawn il-ġranet.