Papa Franġisku: “Imitaw l-umiltà u l-ubbidjenza ta’ Kristu”

Waqt l-Angelus ta’ nhar ta’ Ħadd fit-tieqa tal-Palazz Appostoliku, Papa Franġisku llum appella lil dawk preżenti jimitaw l-umiltà u l-ubbidjenza ta’ Kristu. Qal li ladarba jirċievu l-konsolazzjoni ta’ Kristu, huma jkunu msejħa jimitaw lil Kristu u jwasslu dik il-konsolazzjoni lil ħuthom.
Franġisku qal li kuljum fit-toroq tal-Galilea, Kristu kien jiltaqa’ ma’ persuni komuni, morda, midinba, u mwarrba. Dawn il-persuni dejjem imxew warajh biex jisimgħu l-kelma tiegħu, kelma li tagħti tama u fidi.
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika spjega kif Kristu japplika din l-istedina għal-lum il-ġurnata wkoll. Ħafna huma dawk li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena, f’sitwazzjonijiet diffiċli u kultant, mingħajr ebda punt ta’ referenza valida u li jħossuhom abbandunati.
Il-Papa spjega kif din l-umiltà u l-ubbidjenza tfisser li mhux biss wieħed jgħin lil persuni oħra, iżda tfisser anke li m’għandux jimponi fuq persuni oħra t-twemmin, il-ġudizzju u l-kritika tiegħu.
Fl-aħħar tal-Angelus Papa Franġisku talab lil dawk preżenti jitolbu għalih, hekk kif hu jitlob għalihom.