Il-Papa Franġisku jfaħħar it-talba għal waqfien mill-ġlied

Papa Franġisku jittama li din id-deċiżjoni tiġi mwettqa b’mod effettiv u malajr.

Read in English.

Papa Franġisku waqt l-Angelus ta’ Ħadd, faħħar ir-riżoluzzjoni approvata mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li fiha ntalab il-waqfien mill-ġlied, sabiex tiġi miġġielda l-pandemija tal-Coronavirus.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fl-1 ta’ Lulju approva b’mod unanimu Riżoluzzjoni 2532 (2020) fejn talab li “b’mod globali u immedjat jitwaqfu l-ostilitajiet f’kull sitwazzjoni.” Papa Franġisku faħħar u nkoragixxa dan il-pass. Saħaq li dan “jippermetti l-paċi u s-sigurtà indispensabbli sabiex jiġi provduti l-għajnuna umanitarja li hi tant meħtieġa u urġenti.”

Antonio Guterres, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, f’Marzu li għadda kien ħeġġeġ sabiex ikun hemm il-waqfien mill-ġlied. “Il-qilla tal-virus turi l-bluha tal-gwerer.” qal Antonio Guterres, “Għalhekk qiegħed nitlob sabiex b’mod immedjat u globali jitwaqqfu l-ġwerrer f’kull parti tad-dinja.” Hu kien sostna li “kien wasal iż-żmien li npoġġu l-kunflitt armat f’lockdown u flimkien niġġildu l-ġlieda ta’ vera għal ħajjitna.”

Papa Franġisku qal li jittama li din id-deċiżjoni tiġi mwettqa b’mod effettiv u malajr għall-ġid ta’ tant nies li qegħdin isofru. “Jalla din ir-risoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà” temm jgħid il-Papa, “ikun l-ewwel pass kuraġġuż għal futur ta’ paċi.”