Il-Papa Franġisku f’intervista esklussiva fuq it-TV

Bdil fl-iskeda ta’ Canale 5 għal għada l-Ħadd 10 ta’ Jannar hekk kif fid-8.40pm se jixxandar “Il Mondo Che Vorrei”, intervista esklussiva ma’ Papa Franġisku mal-ġurnalist Fabio Marchese Ragona.

L-intervista ġiet irrekordjata fir-residenza Santa Marta fil-Vatikan. Papa Franġisku se jkun qed jindirizza diversi suġġetti, fosthom il-pandemija, il-vaċċin, l-inkwiet fl-Istati Uniti, l-abort, il-politika u kif inbidlet ħajtu minħabba l-virus.

Eżatt wara din l-intervista se jkun qed jixxandar il-film Chiamatemi Francesco – Il Papa della Gente li nħadem fl-2015.

Fl-aħħar tal-film se jitwassal programm speċjali minn Tg5 mmexxi minn Cesara Buonamici ma’ mistednin prestiġjużi u esperti fl-istudjo li se jiddiskutu l-kliem tal-Papa.

Għaldaqstant għada l-Ħadd mhux se jkun qed jixxandar il-programm li oriġinarjament kien skedat Live! Non È La D’Urso.