Filmat u Awdjo: Papa Franġisku f’4 minuti u bil-Malti

Jekk tidħol fuq YouTube u tikteb “Pope Francis” jitlgħulek biżibilju ta’ filmati.  Fosthom issa hemm ukoll filmat bl-ilsien Malti, li f’erba’ minuti jirrakkonta l-istorja ta’ Papa Bergoglio, minn meta kien Arċisqof ta’ Buenos Aires sakemm intagħżel bħala Papa.

Il-filmat li jismu “Meet Pope Francis In 4 minutes” tista’ ssibu bi 15-il lingwa differenti fosthom bil-Ġappuniż, bil-Korean, bl-Għarbi, bil-Pollakk u t-Taljan u dan biex firxa akbar ta' nies isiru jafu min hu Jorge Mario Bergoglio.

L-idea li l-filmat isir bil-Malti kienet ta’ Warren Busuttil, li flimkien ma’ sieħbu beda jaħdem fuq it-traduzzjoni tal-iskript u r-rekording li mbagħad għaddew għand il-persuna li oriġinarjament għamel l-ewwel filmat.

Fi kliem Warren, il-filmat bil-Malti hu mod ieħor ta’ kif speċjalment it-tfal, jistgħu jiltaqgħu mal-Papa b’mod kreattiv.

Fi żmien tliet ġimgħat il-filmat bil-Malti ntwera iktar minn 3,000 darba.