Il-Papa Franġisku f’kuntatt ma’ 60 miljun persuna

Fl-ewwel sitt xhur tal-pontifikat tal-Papa Franġisku kien hemm minn tal-inqas 60 miljun persuna li raw it-tweets tiegħu, waqt li għandu aktar minn 9,300,000 persuna li jsewguh fuq is-sit soċjali Twitter.

Filwaqt li dan huwa l-kuntatt dirett li jistgħu jagħmlu n-nies mal-Papa, is-sit tal-Vatikan www.news.va, permezz tas-sit Facebook, qed ikollha aktar minn 10 miljun persuna li jidħlu fiha kull xahar. 

Kelliem ta’ L’Osservatore Romano Gianluca Biccini qal li b’din l-innovazzjoni tal-Papa, il-messaġġ tiegħu qed jiġi mwassal lil nies t’oriġini differenti. Qal li l-istil ta’ komunikazzjoni tiegħu għandu erba’ karatteristiċi. L-ewwel, li juża lingwaġġ sempliċi u dirett li jifmuh in-nies. It-tieni, il-Papa jaf x’fiha l-qalb tal-bniedem u għalhekk, dejjem hemm dik it-tfittxija għal għarfien tal-ġewwieni u tweġiba għat-tbatija tal-bniedem.

It-tielet huwa l-mod kif iġib ruħu l-Papa u li permezz tal-manjieri tiegħu juru għana umana kif ukoll spiritwalità profonda. Fl-aħħarnett, il-Papa wera li jaf kif għandu jqajjem l-imaġinazzjoni u sensittività bil-lingwaġġ figurattiv tiegħu. Huwa jirnexxielu jikkomunika aktar mill-kliem li juża, u dan ikompli jagħmel suċċess ma’ dawk li mhumiex Insara. 

Bħalissa qed tiltaqa' l-assemblea plenarja tal-Uffiċċju Pontificju għall-Komunikazzjoni Socjali, fejn il-Papa tkellem diġa dwar il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali.