Paolucci jintgħażel bħala l-BOV Plejer tax-Xahar

Il-plejer Taljan Michele Paolucci rebaħ l-ewwel unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għall-istaġun 2018-19. L-attakkant ta’ 32 sena ngħaqad ma’ Tarxien Rainbows wara li qatta’ żmien ma’ Floriana u mill-ewwel ħalla impatt pożittiv hekk kif it-tqassim tiegħu wassal għal gowls kontra St Andrews u anke kontra Gżira United.

Paolucci beda l-karriera tiegħu ma’ Juventus u lagħab ma’ bosta klabbs oħra fl-Italja, fosthom Siena, Atalanta u Palermo. Hu rċieva t-trofew tal-BOV Plejer tax-Xahar, li għandu disinn ġdid, mingħand Charles Azzopardi li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta. Id-Dar ta’ Santa Rita f’Ħal Tarxien intgħażlet minn Paolucci sabiex igawdu mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.