Paola Hostel tingħata dehra ġdida

Paola Hostel, amalgamazzjoni bejn Richmond Foundation u l-Isptar Monte Karmeli ngħatat dehra ġdida grazzi għal ġurnata ta’ Responsabbiltà Korporattiva Soċjali organizzata mill-impjegati ta’ GasanMamo Insurance.
Il-hostel tipprovdi akkomodazzjoni b’appoġġ 24 siegħa kuljum lill-irġiel bi problemi ta’ saħħa mentali. Il-parti tal-akkomodazzjoni tal-hostel hi element importanti fis-sigurtà ta’ dawn l-irġiel, b’partijiet fejn jistgħu jistrieħu u jqattgħu ftit ħin mal-ħbieb.
L-impjegati ta’ GasanMamo kienu impenjati bil-manutenzjoni tal-kmamar, billi żebgħu l-ħitan fis-sitting room, fil-kċina, fl-uffiċju u fil-kuruturi u resqu l-għamara u lestew
l-aħħar irtokki biex b’hekk il-kmamar kienu ndaf, sbieħ u lesti għas-sena l-ġdida.