Paniku fl-iskejjel tal-Gvern għax mhumiex preparati – UPE

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li fl-ewwel jum tal-iskola għall-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern, dawn qalulha li kien hemm paniku sħiħ fl-iskejjel billi dawn mhumiex preparati.

Fost l-affarijiet li lmentaw dwarhom l-edukaturi kien hemm klassijiet maħmuġin u tħejjijiet kaotiċi. Lill-unjin qalulha li l-istaffrooms huma mimlijin bl-imwejjed, u dan hu kontra l-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.

F’każ minnhom, kamra li suppost tospita biss lil sitt persuni minħabba d-distanza soċjali, hi maħsuba biex tospita lil 30 persuna. L-għalliema ngħataw skedi ġodda għal-lezzjonijiet, u b’hekk iridu jerġgħu jbiddlu l-pjanijiet li diġà kienu għamlu għal-lezzjonijiet.

Apparti hekk, il-Learning Support Educators (LSEs) qalu li filwaqt li saru l-arranġamenti ta’ kif għandhom ipoġġu l-għalliema u l-istudenti, l-LSEs tħallew barra minn dan l-ippjanar.

Jidher ukoll li l-konnessjoni mal-internet mhix waħda stabbli u xi edukaturi lanqas irnexxielhom jaqbdu mal-internet biex ikomplu xogħolhom.

Il-UPE qalet li se tibqa’ ssegwi s-sitwazzjoni u tappella lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex jara li s-sitwazzjoni tirranġa ruħha f’qasir żmien sabiex l-għalliema u l-LSEs ikollhom ambjent sigur u adekwat fejn jaħdmu.

L-unjin appellat ukoll lill-edukaturi biex jikkuntattjawha biex jirrappurtaw xi kundizzjonijiet li jaf iltaqgħu magħhom fl-iskejjel li ma jitqisux xierqa. Huma ġew garantiti li jinżammu anonimi. Ir-rapporti lill-unjin jistgħu jsiru fuq info@upevow.com.