Paniku fis-swieq Spanjoli

L-ishma Spanjoli ewlenin ħadu daqqa ta’ ħarta fl-aħħar jiem wara l-ġlied vjolenti fil-Katalunja wara l-vot dwar l-Indipendenza, kif ukoll dwar il-possibbiltà dejjem aktar reali li dan ir-reġjun jiddikjara l-Indipendenza mill-bqija tal-pajjiż.
L-indiċi Spanjol Ibex kien diġà tilef madwar 1.6% sa nofs il-ġimgħa, b’banek ewlenin fosthom Banco de Sabadell u Caixabank, li t-tnejn jinsabu fil-Katalunja, naqsu b’aktar minn  6 u 4 fil-mija rispettivament.
Madwar 90% tal-votanti Katalani vvutaw favur l-indipendenza, f’referendum meqjus mill-awtoritajiet nazzjonali bħala illegali.
Esperti finanzjarji u traders kienu ferm attenti għall-ispread bejn il-bonds Spanjoli u Ġermaniżi. L-imgħax fuq il-bonds tal-Gvern Spanjol żdied għal 1.69%, l-ogħla livell sa minn Lulju li għadda. Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea talbet lil Spanja tiddjaloga mal-Katalunja, hija ddeskriviet il-vot dwar l-indipendenza bħala materja interna.
Il-biża’ tal-possibbiltà ta’ kriżi kostituzzjonali f’pajjiż fin-Nofsinhar tal-Ewropa inkwetat mhux ftit lis-swieq tant li anke l-bonds Taljani u Portugiżi raw l-imgħax tagħhom jogħla b’4 u 5 punti bażi rispettivament.
Jinżlu l-ishma ta’ Pirelli
Pirelli, il-kumpanija magħrufa għall-produzzjoni tat-tajers ta’ numru ta’ vetturi tal-Formula 1, rat l-ishma tagħha jinżlu bi kważi 2% skont tagħrif ippublikat mill-Borsa Italiana. Il-kumpanija fl-aħħar ġimgħat ħarġet ishma tagħha għal bejgħ għal prezz ta’ €6.50, ferm inqas mill-prezz mistenni – li kien ta’ aktar minn €8.
Pirelli rritornat lura fis-suq wara sentejn, wara li kienet tneħħiet minn kumpanija pubblika wara li ChemChina kienet akkwistat il-maġġoranza tal-ishma.  Il-fatt li l-kumpanija se terġa’ tiġi mniżżla hija meqjusa bħala aħbar tajba mhux biss għal kumpanija iżda għas-swieq kapitali b’mod ġenerali.
L-IPO tal-kumpanija qed titqies mill-industrija bħala test għall-investiment Ċiniż fl-Ewropa. L-istess ChemChina xtrat il-kumpanija Svizzera Syngenta għal 44 biljun dollaru Amerikan fil-bidu tal-2016, u kienet qalet li kienet se tniżżel din il-kumpanija fi ftit snin.
Madankollu, hemm dubju dwar id-dejn ta’ ChemChina u Syngenta. Il-kumpanija ta’ credit rating Standard and Poor’s qalet li r-regolaturi Ċiniżi jista’ jkollhom bżonn jgħinu finanzjarjament lil Syngenta, iżda ċ-Ċina s’issa ċaħdet għajnuna diretta.
L-ekonomija tal-Ġappun tikber u tissejjaħ elezzjoni
L-ekonomija tal-Ġappun kompliet tikber hekk kif ċifri uffiċjali juru li din espandiet b’2.5% fit-tieni kwart tas-sena, bi previżjonijiet li din ir-rata hija sostenibbli u tista’ tinżamm fix-xhur li ġejjin.
Fil-preżent, l-ekonomija għaddejja fl-aħjar livelli sa mill-kollass tal-Lehman Brothers li wassal għal kriżi finaznzjarja madwar id-dinja. F’dan il-kuntest, il-Bank tal-Ġappun sostna li l-ekonomija kibret biżżejjed biex taċċelera lejn rata tal-għoli tal-ħajja ta’ madwar 2%.
Ir-rata ta’ ħolqien tal-impjiegi tinsab fl-ogħla livelli sa mill-1974, filwaqt li l-kunfidenza kummerċjali tinsab fl-ogħla livell fl-aħħar 10 snin grazzi għal fatt li l-Ġappun qed igawdi minn titjib ġenerali fl-ekonomija globali.
Iżda l-Bank tal-Ġappun hu mħasseb għal fatt li ż-żieda fil-prezzijiet u l-pagi baqgħu baxi wisq, hekk kif diversi kumpanija qed jibqgħu lura milli jgħaddu aktar mill-profitti tagħhom lill-impjegati. Fil-preżent, l-inflazzjoni fil-Ġappun tinsab qrib il-1%.
Fl-ġranet li għaddew, il-Prim Ministru Shinzo Abe ħabbar li se jkun qed jitlob mandat ġdid wara kważi 5 snin fit-tmexxija tal-pajjiż. Huwa xolja l-Parlament u ħabbar elezzjoni bikrija għat-22 ta’ Ottubru, fejn qal li jrid appoġġ akbar għal politika diplomatika iebsa fid-dawl tat-theddid mill-Korea ta’ Fuq.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.