Pandemonju fil-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab lill-Parlament biex jipposponi d-diskussjoni fil-Kumitat ta’ Provvista dwar il-Baġit, u biex minflok jiddiskuti t-talbiet li għamlet is-soċjetà ċivili waqt protesta li saret fi tmiem il-ġimgħa fil-Belt Valletta.
Din il-protesta kienet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dr Delia għamel elenku tal-ġrajjiet kollha li seħħew, mill-jum li kienet assassinata l-ġurnalista. Żied jgħid li jidher li kemm il-Gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni, qed jaraw li s-suġġett tal-qagħda nazzjonali wara l-assassinju ta’ DCG, bħala importanti.
L-Ispeaker min-naħa tiegħu qal f’ruling, li talba ta’ din il-kwalità ma tistax tintlaqa’ meta jkun hemm diskussjoni dwar il-Baġit.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius kif ukoll id-deputat Mario De Marco, sostnew li dan jista’ jsir minkejja r-ruling tal-Ispeaker, jekk ikun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra.
Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li m’hemmx dan il-qbil.
F’diskussjoni, li f’ħinijiet kienet pjuttost imqanqla, l-Ispeaker tenna r-ruling tiegħu, li din id-diskussjoni ma setgħetx issir.
"Delia f'attentat iddisprat biex isalva postu" – PL
Il-Partit Laburista qal li hi ħaġa tal-iskantament, kif bejn filgħodu u filgħaxija l-Kap tal-Oppożizzjoni, bidel għal kollox il-prijoritajiet tiegħu fil-Parlament. 
Żied li jidher ċar li Adrian Delia qiegħed jagħmel attentat iddisprat biex isalva postu.