​Panama Papers: Se tagħlaq Mossack Fonseca

Il-kumpanija Mossack Fonseca li kienet fil-qalba tal-iskandlu tal-Panama Papers qalet li se tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha minħabba l-problemi ekonomiċi u tar-reputazzjoni li sofriet minħabba l-irwol tagħha fl-evażjoni tat-taxxa.
Il-Panama Papers kienu jikkonsistu f’miljuni ta’ dokumenti li kienu nsterqu mill-kumpanija Mossack Fonseca u ġew leaked lill-midja f’April tal-2016. Dawn id-dokumenti wrew kif in-nies sinjuri u b’saħħithom kienu jużaw kumpaniji offshore biex jevadu t-taxxa.
Fi stqarrija, Mossack Fonseca qalet li d-deterjorazzjoni fir-reputazzjoni, il-kampanja tal-midja, u l-azzjonijiet mhux tas-soltu tal-awtoritajiet tal-Panama kkawżaw ħsara li tirrikjedi li l-operazzjonijiet pubbliċi jieqfu sal-aħħar tax-xahar.
Il-kumpanija qalet ukoll li se tkompli tikkoopera mal-awtoritajiet biex turi li ma kien seħħ l-ebda reat kriminali.
Fi Frar tal-2017, il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew kien żar lil Malta. Irrimarka li Malta hija l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea (UE) li kellha ministru msemmi fil-Panama Papers, f’dal-każ Konrad Mizzi. Il-Kumitat qal ukoll li n-Nexia BT, waħda mill-intermedjarji li ssemmiet fil-Panama Pepers, lanqas wieġbet b’mod sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħu
It-tifel tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, qal li l-parti żgħira li kellu biex “ineħħi din il-kumpanija kriminali minn fuq wiċċ id-dinja” kienet iddedikata lill-ommu.

Ritratt: Reuters