Panama Papers: Schembri, Hillman, u Scerri jaqblu mal-AĠ; Iridu lil Mizzi

Keith Schembri, Adrian Hillman, u Malcolm Scerri qed jaqblu mal-Avukat Ġenerali li għandu jkun l-Imħallef Antonio Mizzi li jisma’ l-każ tal-appelli dwar inkjesta b’rabta mal-Panama Papers.

Illum iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, is-sieħeb tiegħu fin-negozju Malcolm Scerri, u l-Ministru Konrad Mizzi bagħtu tweġiba għall-appell tal-Avukat Ġenerali kontra deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet iddeċidiet li l-Imħallef Antonio Mizzi m’għandux ikun l-Imħallef li jiddeċiedi fl-inkjesta tal-Panama Papers, peress li martu, Marlene Mizzi, hija MEP Laburista. L-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni.

L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li kien talab biex issir din l-inkjesta biex jiġu investigati ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi li kienu nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Fl-2017 il-Maġistrat Ian Farrugia kien ikkonkluda li hemm biżżejjed pre-rekwiżiti biex tinfetaħ inkjesta li kellha tistabbilixxi jekk il-liġijiet ta’ ħasil tal-flus kienux inkisru minn uffiċjali tal-Gvern meta nfetħu kumpaniji offshore.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, is-sidien ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini, l-impjegat ta’ Kasco Limited Malcolm Scerri u l-eks-direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman kienu resqu appell fil-Qorti biex ma jiġux investigati.