Panama Papers: “Mizzi qed jagħmel li jista’ biex jostakola l-inkjesta” – Busuttil

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil akkuża lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li uża kull aġir legali possibbli biex jostakola inkjesta dwar il-Panama Papers.

Istituzzjonijiet ipparalizzati – Busuttil dwar l-iskandlu tal-Panama Papers

Dan wara li Mizzi l-ġimgħa li għaddiet ressaq rikors kostituzzjonali jargumenta li kien qed jinkiser id-dritt tiegħu għal smigħ ġust bit-talba għal inkjesta li għamel Busuttil. Il-Ministru argumenta li m’għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar inkjesta sakemm ma jinstemgħu l-argumenti tiegħu fuq il-ksur tad-drittijiet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Filmat: Repubblika titlob għal inkjesta dwar il-Panama Papers

Ilbieraħ, Busuttil qal lill-Qorti li inkjesta hija biss mezz kif tinġabar l-evidenza, mhijiex smigħ jew proċess quddiem qorti kriminali. Insista li ħadd ma jkun qed jiġi preġudikat billi tinġabar l-evidenza.

Skont Busuttil, il-mossa ta’ Mizzi kienet biss tentattiv ieħor tiegħu biex joħloq ostaklu għall-investigazzjoni, u biex jipprevjeni li tinġabar l-evidenza.

Busuttil fakkar li Mizzi kien diġà ressaq rikors kostituzzjonali simili li fih ukoll qal li kien qed jinkisirlu d-dritt f’Jannar. Dan kien twaqqa’ wara li Mizzi appellah.