Panama Papers: Malta fost 15-il pajjiż fejn in-nies qamu kontra l-ġurnalisti – rapport

Darrin Zammit Lupi

Analiżi ġdida mill-Istitut ta’ Reuters issemmi lil Malta fost il-15-il pajjiż fejn kien hemm rispons negattiv dwar ir-rapporti tal-midja fuq il-Panama Papers, partikolarment fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport jgħid li Malta tagħmilha mal-Finlandja, ir-Russja, il-Venezwela, iċ-Ċina u s-Slovakkja, bħala pajjiżi fejn in-nies irrispondew b’mod negattiv lejn il-midja u l-ġurnalisti li kienu qegħdin jinvestigaw individwi ewlenin b’rabta mal-Panama Papers.

Skont Reuters, dan irrappreżenta 17% tal-pajjiżi investigati, u dan jinkludi miżuri li ttieħdu kontra l-midja jew saħansitra theddid.

Filwaqt li l-maġġoranza dan ir-rispons hija rrekordjata f’pajjiżi li għandhom livelli baxxi ta’ libertà tal-istampa, ir-rapport juri wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet heddew lill-ġurnalisti, pereżempju fil-Finlandja, fejn l-awtoritajiet tat-taxxa intimidaw u heddew lill-ġurnalisti.

Fuq in-naħa estrema, Reuters irrekordja wkoll il-qtil tal-ġurnalist Slovak Jan Kuciak u tal-karozza bomba fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport sħiħ tista’ taqrah hawn.