Panama Papers: L-Istati Uniti tinvestiga każijiet ta’ taxxa mhux imħallsa

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti qed jinvestiga allegat każijiet ta’ taxxa mhux imħallsa minn ċittadini tiegħu, wara r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers.
Skont il-ġurnal The Guardian, irrappurtata mill-aġenzija Reuters, saret talba lill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi li żvela l-11.5 miljun dokument tal-kumpanija Mossack Fonseca, fejn intalbu iktar dettalji biex jgħinu l-investigazzjonijiet.
Jidher li dawn bdew wara dikjarazzjoni tal-President Amerikan, Barack Obama, fejn sostna li t-toqob fil-liġi li jippermettu lil kumpaniji kbar ma jħallsux it-taxxa f’pajjiżhom wasslu għal problemi kbar, waqt li ħeġġeġ lill-kumpaniji kbar iħallsu t-taxxi dovuti.
Sadattant, dokument tal-Kummissjoni Ewropea qed iħeġġeġ lit-28 pajjiż membru biex jikkunsidraw miżuri iktar iebsa fil-konfront ta’ banek u dawk li jagħtu pariri dwar taxxa, li jgħinu lill-klijenti tagħhom jaħbu flushom barra mill-pajjiż. Id-dokument se jiġi diskuss f’laqgħa għall-Ministri tal-Finanzi mit-28 pajjiż, fi tmiem din il-ġimgħa.