Panama Papers: L-aħħar ċans għas-sottomissjonijiet qabel il-verdett

Il-partijiet involuti fil-każ tal-Panama Papers ingħataw erbat ijiem biex jagħmlu s-sottomissjonijiet finali tagħhom bil-miktub.

L-Imħallef Giovanni Grixti beda jieħu ħsieb dan il-każ tal-appelli wara li l-Imħallef Antonio Mizzi rtira. Id-deċiżjoni finali dwar il-każ se jeħodha Grixti li ħareġ digriet dwar is-sottomissjonijiet.

Il-każ kien beda f’Lulju tal-2017 meta l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien talab lill-Maġistrat Ian Farrugia biex tinfetaħ inkjesta dwar dak li ġie żvelat mill-iskandlu tal-Panama Papers. Farrugia laqa’ din it-talba imma l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini minn NexiaBT, Malcolm Scerri, u Adrian Hillman appellaw. L-Imħallef Antonio Mizzi kien dak li beda jisma’ s-smigħ tal-appelli. Mizzi huwa r-rapel tal-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Marlene Mizzi. Minħabba dan, Simon Busuttil talab lil Antonio Mizzi biex jirrekuża lilu nnifsu imma Mizzi ma aċċettax. Minħabba f’hekk Busuttil imbagħad mar il-Qorti fejn argumenta li d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq kienu nkisru.

Għalkemm l-Ewwel Qorti kienet qablet ma’ Busuttil, id-deċiżjoni ġiet riveduta mill-Qorti Kostituzzjonali. F’Novembru l-Imħallef Antonio Mizzi ippospona s-smigħ li jmiss għal Diċembru, propju wara d-data tal-irtirar tiegħu.