Panama Papers: “Konrad Mizzi ammetta li kien Dubaj fl-2015” – Busuttil

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Ministru Konrad Mizzi lbieraħ ammetta għall-ewwel darba li lura f’Awwissu tal-2015 kien qiegħed f’Dubaj.

Dan qalu fuq Facebook b’reazzjoni għat-tweġiba li ta Mizzi għall-mistoqsija Parlamentari ta’ Busuttil. Busuttil staqsa sabiex Mizzi jgħid meta żar Dubai fil-leġiżlatura li għaddiet, bid-dati preċiżi taż-żjarat, għal liema raġuni mar, kemm dam, jekk kienx akkumpanjat minn uffiċjali u f’dak il-każ minn min kien akkumpanjat jew jekk kienx hu li akkumpanja lil ħaddieħor, u f’dak il-każ lil min akkumpanja. Hu staqsa wkoll għall-valur ta’ kemm ġew jiswew dawn il-vjaġġi.

Aqra: Panama Papers: Maġistrat tordna inkjesta – Repubblika

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Mizzi qal biss li żar Dubaj tliet darbiet fuq xogħol tal-Gvern f’Awwissu tal-2015, fi Frar tal-2016 u f’Novembru tal-2016.

Busuttil sostna li l-Panama Papers kienu kixfu li hu kellu jsiefer hemm sabiex jiftaħ kont bankarju f’Awwissu tal-2015. Tenna li t-tweġiba ta’ Mizzi fil-Parlament hija evidenza ta’ dan.

In reply to my PQ yesterday, Minister Konrad Mizzi ADMITTED for the first time that he WAS in Dubai in August 2015….

Posted by Simon Busuttil on Wednesday, May 29, 2019

X’inhuma l-Panama Papers?

Kien f’April 2016 li l-ICIJ flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.

Aqra: Panama Papers: S’issa Malta tiġbor €6.3 miljun f’taxxi

Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.

Dak żvelat wassal ukoll għal ħames inkjesti maġisterjali f’Malta, fost l-oħrajn fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi.

Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.

Aqra: Iffurmat il-kumitat ta’ inkjesta dwar il-Panama Papers