Panama Papers: “Kif tista’ ssir ġustizzja jekk mart l-Imħallef hi Deputat Laburista?” – Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-appell għad-deċiżjoni tal-Qorti li tinfetaħ investigazzjoni kriminali dwar il-Panama Papers, sar f’jum meta l-Imħallef tal-Għassa kien wieħed li l-mara tiegħu hi Deputat Laburista.
Waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, Dr Busuttil saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, ma jridux li ssir ġustizzja.
Jistaqsi kif jista’ jkun li ssir ġustizzja, jekk mart l-Imħallef tkun Deputat Laburista.  Dr Busuttil ma semmiex min hi d-deputat, imma l-mara tal-Imħallef hi l-MEP Marlene Mizzi.
Simon Busuttil irrimarka kif kien din il-ġimgħa l-ewwel darba minn mindu faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, li ngħatat go ahead mill-Qorti biex issir investigazzjoni kriminali.
Il-Kap Nazzjonalista qal li fil-bidu, Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri qalu li din mhix vera investigazzjoni kriminali, u għaldaqstant staqsa jekk hu l-każ, għaliex l-għada appellaw mid-deċiżjoni tal-Maġistrat.
It-triq tal-ġustizzja hi twila u iebsa
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li t-triq tal-ġustizzja f’Malta se tkun twila u iebsa, imma hi triq li “jeħtieġ nimxuha flimkien għall-ġid tal-pajjiż”.
Saħaq li hu fl-interess tal-poplu li Malta titmexxa minn nies onesti u mhux korrotti.
“Nitgħallmu mill-Pakistan u mill-Brażil?”
Dr Busuttil semma kif Malta tinsab f’sitwazzjoni redikola, fejn qed tieħu lezzjonijiet minn pajjiż bħal Pakistan, fejn id-deċiżjoni tal-Qorti kienet li l-Prim Ministru jitkeċċa għax kien involut fil-Panama Papers.
Irrefera wkoll għall-Brażil, fejn il-Qorti kkundannat lill-eks President għal 10 snin ħabs fuq korruzzjoni. Stqarr li f’Malta, il-liġi mhix l-istess għal kulħadd u li jekk xi ħadd ma jħallasx it-taxxa fil-ħin il-Pulizija jarrestawh, imma ma ħadu l-ebda azzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Dr Busuttil fakkar kif anke l-Gvern tal-Polonja, ipprova jgħaddi riformi biex ineħħi l-indipendenza tal-ġudikatura. Stqarr li kien hemm żvilupp pożittiv għax l-Unjoni Ewropea fetħet proċeduri legali kontra l-Polonja, u jittama li tiftaħ għajnejha anke fuq Malta.
Joffri sfida lill-Prim Ministru
Simon Busuttil sfida lill-Prim Ministru biex jekk tassew jemmen fl-għaqda nazzjonali, iwaqqaf u jreġġa’ lura t-transfers vendikattivi li saru fl-aħħar jiem.
"Busuttil jattakka l-indipendenza tal-Qrati" – PL
F'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil kompla jagħżaq f'livelli ġodda, meta qal li Malta hi agħar mill-Pakistan u mill-Brażil. 
Żied jgħid li dawn huma livelli ġodda ta' tgħajjir kontra l-pajjiż stess. 
Il-PL fi stqarrija qal ukoll li Busuttil attakka l-indipendenza tal-Qrati u lill-ġudikant partikolari, li kien sar ġudikant snin ilu taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.