Panama Papers: Jiġi deċiż f’Lulju jekk jibqax l-Imħallef Mizzi

Fit-2 ta’ Lulju li ġej mistenni jiġi deċiż jekk għandux ikun l-Imħallef Antonio Mizzi li jibqa’ jippresiedi l-każ tal-appelli minn uffiċjali b’karigi għolja fil-Gvern.
L-appelli saru dwar id-deċiżjoni li tinfetaħ inkjesta maġisterjali biex tistabbilixxi jekk kienx hemm ksur ta’ liġijiet kontra l-ħasil tal-flus meta nfetħu kumpaniji offshore u li tfaċċaw fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Il-każ kostituzzjonali, li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, infetaħ mill-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kontra l-Avukat Ġenerali.
Dr Busuttil qed jargumenta li m’għandux ikun l-Imħallef Mizzi li jisma’ l-appelli minħabba li huwa r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi.
Waqt is-smigħ tal-lum, l-Imħallef Zammit McKeon ikkonkluda li l-kawża ġiet diferita sabiex tagħti ċans lid-difiża taż-żewġ naħat jippreżentaw in-noti bl-osservazzjonijiet tagħhom.
Dr Jason Azzopardi f’isem Dr Busuttil jrid jgħaddi n-noti lill-Imħallef sas-17 ta’ Mejju, filwaqt li d-difensuri l-oħra qed jintalbu jagħmlu l-istess sat-18 ta’ Ġunju.
L-imħallef wissa lil dawk preżenti li min ifalli t-terminu tiegħu, mhux se jingħata ċans ieħor.
Sostna li meta jsir l-aħħar smigħ ma jridx li dawk preżenti jerġgħu jirrakkuntaw dettalji li jaf kulħadd. Saħaq li hu l-istorja jafha u dak li għandhom jgħidu għandhom jgħiduh fin-noti ta’ osservazzjoni.
F’Lulju li għadda, Busuttil kien talab li ssir inkjesta maġisterjali dwar jekk persuni ta’ kariga għolja fil-Gvern kisrux il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.
L-appelli nfetħu mill-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, Malcolm Scerri minn Kasco u l-Eks Direttur Maniġerjali tat-Times Adrian Hillman.