​Panama Papers: Il-Qorti tgħid li d-dokumenti ta’ Busuttil jistgħu jiġu esebiti

L-Imħallef li qed imexxi l-każ kostituzzjonali dwar l-appelli tal-Panama papers aċċetta t-talba tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex ċertu dokumenti jiġu esebiti peress li fil-fehma ta’ Busuttil huma kruċjali għall-każ.
Il-każ jinvolvi l-argument ta’ Simon Busuttil li m’għandux ikun l-Imħallef Antonio Mizzi li jisma’ l-każ tal-appelli minħabba li huwa r-raġel tal-Membru tal-Parlament Ewropew Laburista Marlene Mizzi.
F’Lulju li għadda, Busuttil kien talab li ssir inkjesta maġisterjali dwar jekk persuni ta’ kariga għolja fil-Gvern kisrux il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus.
Il-persuni fil-mira tal-każ huma l-Prim Ministru, Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman, is-sidien ta’ Nexia BT Karl Cini u Brian Tonna u l-impjegat ta’ Kasco Limited Malcolm Scerri.
Min-naħa tagħhom dawn il-persuni kienu appellaw separatament biex din id-deċiżjoni tiġi rrivokata, u l-appelli waqgħu f’idejn l-Imħallef Mizzi.
Xi avukati tad-difiżi oġġezzjonaw l-esebizzjoni ta’ ċertu dokumenti fil-Qorti. Wieħed minn dawn id-dokumenti kien jgħid li l-Imħallef Mizzi iddikjara fil-Qorti li l-argument tar-rikuża tiegħu fil-każ kien wieħed “irritant”.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Illum l-imħallef Zammit McKeon iddikjara li d-dokumenti kollha ta’ Busuttil setgħu jiġu esebiti bħala evidenza.
Ritratt: Arkivji