Panama Papers: Il-Qorti tal-Appell tibdel id-deċiżjoni tal-Maġistrat

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, bidlet id-deċiżjoni meħudha mill-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia u sabet li t-talba mressqa mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-eks Kap tal-Oppożizzjoni naqset milli tindika kif is-serji ta’ avvenimenti li jammontaw għar-reat u liema reat.

Il-Maġistrat Farrugia kien ordna inkjesta maġisterjali għal dak li ġie żvelat mill-Panama Papers wara li Busuttil kien preżenta rikors f’Lulju ta’ sena li għaddiet. Dan wara li nstab bażi biżżejjed biex tinfetaħ inkjesta dwar il-possibilità ta’ ħasil ta’ flus minn uffiċjali tal-Gvern u persuni oħra abbażi tad-dokumenti li ġew żvelati u ppubblikati magħrufin bħala Panama Papers fl-2016.

Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri jappellaw d-deċiżjoni tal-Maġistrat

L-uffiċjali indikati kienu l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, l-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kif ukoll Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT, kif ukoll Malcolm Scerri li huwa sieħeb fin-negozju ta’ Schembri kif ukoll Adrian Hillman l-eks direttur maniġerjali ta’ Allied Newspaper. Iżda dawn kienu appellaw id-deċiżjoni meħudha mill-Maġistrat Farrugia. L-appell kien spiċċa quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, r-raġel tal-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Laburista Marlene Mizzi, u kien intalab jirrekuża ruħu minn Busuttil.

Każ Panama Papers: Mhux se jibqa’ f’idejn l-Imħallef Mizzi

Konrad Mizzi jgħid li l-Qorti qed tiksirlu d-drittijiet fundamentali

L-Imħallef Grixti fid-deċiżjoni tiegħu sab li l-Maġistrat Farrugia ma kienx osserva d-dritt tal-akkużati li jiġu infurmati bir-risposti, dikjarazzjonijiet u dokumenti ġodda preżentati minn Busuttil.

Il-Gvern jgħid li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Busuttil

Fi stqarrija l-Gvern qal it-talba ta’ Busuttil ġiet ‘miċħudha’ mill-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti.

Skont il-Gvern, wara d-deċiżjoni tal-lum joħroġ li għal darba oħra Muscat qed jiġi ‘skolpat’, minkejja li d-deċiżjoni meħudha mill-Qorti kienet fuq bażi teknika minħabba li t-talba li saret ma kinitx strettament konformi mar-rekwiżiti tal-liġi.

Kif setgħet ġiet irrifjutata? – Busuttil

Busuttil f’post fuq Twitter staqsa kif il-Qorti setgħet tirrifjuta tiftaħ inkjesta meta Schembri u Mizzi inqabdu fil-fatt b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Inkjesti pendenti

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien preżenta “evidenza” li huwa kien qal tipprova li Schembri rċieva flus mill-iskema tal-bejgħ ta’ passaporti. Filwaqt li baqa’ wkoll l-inkjesta fil-pagamenti li saru lil Hillman. Busuttil kien qal li l-flus għaddew direttament jew inkella permezz tal-kumpanija sigrieta Lester Holdings.

Schembri kien sostna li l-allegazzjonijiet kienu riċiklati filwaqt li Hillman kien ċaħad li rċieva xi flus mingħand Schembri jew mill-kumpaniji tiegħu.