Panama Papers: Il-Qorti ma taċċettax it-talba ta’ Mizzi biex jitwaqqfu l-kawżi

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Robert Mangion, ma laqgħetx it-talba tal-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi li ddikjara li nkisirlu d-dritt tiegħu għal smigħ ġust fil-każ tal-Panama Papers.

Il-Qorti qalet li ma taqbilx ma’ dak li qal il-Ministru Mizzi fir-rikors, illi dan hu bħal li jsir fil-proċeduri tal-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Il-Qorti qalet li b’din it-talba, Mizzi qed jitlob li bħala rimedju temporanju, il-Qorti Ċivili tordna lill-Qorti Kriminali twaqqaf il-proċeduri pendenti quddiemha. L-Avukat Ġenerali Peter Grech oppona r-rikors tal-Ministru Mizzi.

Fl-applikazzjoni tiegħu, il-Ministru Mizzi qal li hu m’għandux jieħu sehem attiv fil-proċeduri li għaddejjin, iżda din it-talba ġiet irrifjutata mill-Qorti. Meta ma kienx tfaċċa fil-Qorti għas-smigħ, David Casa kien ikkummenta pubblikament.

Fid-19 ta’ Diċembru, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi talab lill-Qorti biex tiddikjara li hemm jew li jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ smigħ xieraq tiegħu fil-każ tal-Panama Papers. Skont Mizzi, dan minħabba l-parteċipazzjoni tal-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-proċeduri. Ilmenta wkoll dwar dak li ddeskriva bħala “forum shipping” ta’ Busuttil.