Panama: Obama jgħid li l-Istati Uniti qed jinvestigaw

Il-President Amerikan Barack Obama appella biex fid-dinja kollha jsiru riformi fis-sistema ta’ tassasjoni wara li ġew żvelati d-dokumenti dwar kumpaniji sigrieti fil-Panama li fihom hu nvolut il-Ministru Konrad Mizzi.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet f’Washington, Obama qal li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qed jinvestigaw lill-Mossack Fonseca li hija l-kumpanija internazzjonali li għenet lil diversi nies biex jevadu s-sanzjonijiet imposti kontra s-Sirja.
Waqt li kien qed ikellem lill-ġurnalisti fil-White House, Obama qal li “ma hemmx dubju li l-problema tal-evażjoni tat-taxxa hi ġeneralment problema kbira”.
F’okkażjoni rari, Obama kien qed jirreaġixxi għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u ma kienx qed jaqra l-ebda diskorsi.
Il-President Amerikan qal ukoll li l-Panama Papers urew lid-dinja l-iskala tal-evażjoni tat-taxxa li jinvolvu triljuni ta’ dollari mad-dinja kollha.
Il-PM tal-Pakistan jifforma kummissjoni biex tinvestiga
Intant, il-Prim Ministru tal-Pakistan Nawaz Sharif ħabbar li se tiġi ffurmata Kummissjoni biex tinvestiga l-allegazzjonijiet fid-dokumenti tal-Panama Papers li qalu li l-familja tiegħu għandha kumpaniji fil-Panama.
“Iddeċidejt li nifforma Kummissjoni tal-ogħla livell ġudizzjarju mmexxija minn membru rtirat tal-ġudikatura”, tenna l-Prim Ministru Pakistan.