Panama: “Mizzi u Schembri qalu lil Mossack Fonseca bi pjan sigriet tal-gaming”

“Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qalu lil Mossack Fonseca li għandhom pjan sigriet tal-gaming u għar-riċiklaġġ.”
F’artiklu li deher fil-Financial Review dalgħodu, jingħad li Mossack Fonseca avviċinat sitt banek oħra biex jiftħu kontijiet għall-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi, biex iżommu investiment li qalu li huma “kummerċjalment sensittivi”.
S’issa kien magħruf biss li huma ppruvaw jiftħu kontijiet bankarji fil-Panama u f’Dubai.
Il-ġimgħa l-oħra, Schembri qal li dak li qed jingħad mill-Financial Review hu “kompletament bla bażi” u saħaq li l-kumpanija tiegħu fil-Panama, Tillgate Inc, infetħet biss bl-għan ta’ ppjanar tal-proprjetà.
Kien qal ukoll li t-trust fi New Zealand infetħet għal raġunijiet ta’ familja.
Minkejja dan, dokument ta’ Mossack Fonseca juru li kien hemm strateġija ta’ investiment lil hinn minn dak li ntqal s’issa.